Filmat | 'Aħna umani u mhux cheap labour' - Immigranti jipprotestaw fil-Belt

Diversi attivisti u immigranti nġabru jipprotestaw wara l-każ ta' Jaiteh Lamin, l-immigrant li spiċċa mormi minn kuntrattur fuq il-bankina

Ritratt | Proprjetà ta' MediaToday
Ritratt | Proprjetà ta' MediaToday

Diversi attivisti u anke immigranti ngħaqdu fil-Belt Valletta biex jipprotestaw kontra deċiżjonijiet u policies li, fi kliemhom, ineżżgħu lill-immigranti u anke lil uliedhom, minn drittijiet bażiċi.

Ħafna minn dawk preżenti kellhom f’idhom ritratt ta’ Jaiteh Lamin, l-immigrant li spiċċa mormi minn kuntrattur fuq il-bankina wara li dan weġġa’ fuq il-post tax-xogħol.

Preżenti għall-protesta kien hemm il-Moviment Graffitti li appellaw lill-Gvern biex ikollu sistema li toħloq stabbilità u mhux inċertezza fil-ħajja ta’ dawn in-nies.

“Sistema li ma tinċentivax l-isfruttament imma li tirrikonoxxi d-dinjità ta’ kulħadd,” saħqet l-NGO.

Il-protesta laħqet il-qofol tagħha quddiem il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali bid-dimostranti, fost affarijiet oħra, iħeġġu lill-awtoritajiet Maltin biex jippubblikaw kemm daħlu taxxi mingħand l-immigranti u anke jisħqu li t-tfal tagħhom mhux jingħataw id-dokumenti neċessarji biex jivjaġġaw barra minn Malta.

"Uliedna jistaqsuna: għaliex ninsabu l-ħabs? Għaliex ma nistgħux nitilqu minn Malta? Sħabna jmorru btala u meta jiġu lura jirrakkontawlna kollox," qal wieħed mill-kelliema Joy Edokpolor.

Kelliem ieħor, Mohammed Ali Aguerb qal li filwaqt li Malta tinsab quddiem nett fid-drittijiet għall-persuni LGBTIQ, immigranti queer qed jitpoġġew f'detenzjoni illegali u anke f'ċentri li mhumiex siguri.

"Żwieġ bejn persuni tal-istess sess huwa legali imma mbagħad persuni li qed jitolbu l-ażil ma jistgħux jiżżewġu," insista.

Id-dimostranti kienu kritiċi ħafna ta' Identity Malta, b'ħafna jisħqu li l-istaff mhuwiex professjonali fil-mod kif jitkellmu u jirreaġixxu mal-immigranti.

Dwar il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema immigranti, Ibrahim Jabbie qal li l-Gvern qed jagħmel l-almu tiegħu, iżda insista li fadal ħafna xi jsir.

"Tgħidulna mmorru aħdmu. Aħna mmorru imma mbagħad nibqgħu bla drittijiet," insista. "Ma hemm l-ebda boss mingħajr ħaddiema imma meta l-ħaddiem ikollu bżonn l-għajnuna, imbagħad ħadd ma jkun irid ikun il-boss."

Irrakkonta kif ħabib tiegħu ħadem għal xahar sħiħ, iżda rċieva paga għal erbatax-il ġurnata biss. 

Il-każ ta’ Lamin qajjem rabja u tħassib fost bosta. Il-kuntrattur, Glen Farrugia, tressaq il-Qorti u nżamm arrestat.

Lamin kien qed jaħdem mingħajr permess u qed jingħad li l-kuntrattur, meta tefgħu fuq il-bankina, qallu biex jgħid li kienet tajritu karozza.

More in Politika