Filmat | Il-kuntrattur li ħalla impjegat ferut mormi fuq bankina ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest

Dan l-inċident ħoloq rabja kbira, wara li ġie ppubblikat filmat li juri lill-immigrant, Jaiteh Lamin ta’ 32 sena, stendut fuq il-bankina

Ritratt ta' MediaToday meħud minn James Bianchi
Ritratt ta' MediaToday meħud minn James Bianchi

Glen Farrugia, wieħed miż-żewġ shareholders u direttur tal-kumpanija J&G Farrugia Contractors tressaq il-Qorti wara li allegatament ħalla impjegat tiegħu, immigrant, mormi fuq bankina wara li weġġa’ fuq il-post tax-xogħol. Huwa ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest u ttieħdet fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin.

Dan l-inċident ħoloq rabja kbira, wara li ġie ppubblikat filmat li juri lill-immigrant, Jaiteh Lamin ta’ 32 sena, stendut fuq il-bankina wara li waqa’ għoli ta’ madwar żewġ sulari.

Farrugia qed jiffaċċja diversi akkużi li jvarjaw minn reati kriminali għal ksur ta' liġijiet marbuta max-xogħol u anke liġijiet oħra dwar saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Fost dawn qed ikun akkużat li b'mod involontarju kkawża ġrieħi gravi fuq Lamin Jaiteh. Bħala kuntrattur responsabbli mis-sit ta' kostruzzjoni fi Triq Dun Franġisk Sciberras fil-Mellieħa, kien akkużat ukoll b'negliġenza li waslu għall-inċident. Akkużat ukoll li bagħbas l-evidenza.

L-Ispettur George Frendo, li qed imexxi l-Prosekuzzjoni qal li l-akkużat, allegatament ħa lill-immigrant minn fuq il-post tax-xogħol, fejn weġġa' għal fuq il-bankina, fi Triq Selmun, fejn instab. 

Lamin kien qed jaħdem mingħajr dokumenti, b’Farrugia allegatament jinsisti miegħu biex jgħid li ttajjar minn karrozza.

Aktar akkużi huma marbuta max-xogħol, fejn Farrugia ġie akkużat li falla milli jħallas lill-vittma paga xierqa meta ħadem f'festa pubblika, meta ħadem is-Sibt jew inkella għamel overtime. Dan apparti diversi akkużi oħra.

Minkejja li saret talba għall-ħelsien mill-arrest, il-Qorti, wara li ħadet inkonsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta' kif seħħ dan ir-reat u anke minħabba l-fatt li l-vittma għad irid jixhed, ma laqgħetx din it-talba.

More in Qrati u Pulizija