Filmat | 'Intużat l-istess proċedura tas-sena l-oħra' - Il-Ministru twieġeb għall-kritika tal-MUT

Il-Ministru spjegat li anke s-sena li għaddiet, minħabba li żdiedu l-klassijiet tal-primarja, kien hemm bżonn 'deployment' ta' għalliema 

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li hekk kif nhar l-Erbgħa, tibda uffiċjalment is-Sena Skolastika 2021-2022, il-prijorità hija li l-istudenti jingħataw l-edukazzjoni fil-kassi u bl-għalliema kollha li hemm bżonn, filwaqt li jiġu mħarsa l-protokolli marbuta mal-prevenzjoni tat-tixrid tal-pandemija.

Hija kienet qed tindirizza konferenza tal-aħbarijiet, ftit ħin biss wara li l-Unjin Maltija għall-Għalliema (MUT) qalet li l-ftuħ tas-sena skolastika ta’ din is-sena huwa ddominat “mill-paniku.” L-MUT għamlet referenza għal dawk li sejħitilhom bħala transfers ta’ numru ta’ għalliema li jagħtu servizzi lill-istudenti u li jinkludu għalliema speċjalizzati fil-litteriżmu, appoġġ kumplimentari, appoġġ lill-studenti neqsin mis-smigħ, appoġġ lill-istudent fin-nurture class, appoġġ fl-isptarijiet u speċjalisti fis-suġġetti, fost l-oħrajn.

Madanakollu, il-Ministru spjegat kif minħabba ż-żieda tal-klassijiet, inħoloq il-bżonn ta’ aktar għalliema fil-primarja minħabba r-raġunijiet imsemmija, biex kull klassi jkollha għalliem kwalifikat. 

Il-Ministru qalet li din is-sena intużat l-istess proċedura bħalma sar is-sena li għaddiet, liema proċedura ġiet maqbula mal-MUT.

“Għalhekk din is-sena, bħas-sena l-oħra, kien hemm il-bżonn ta’ deployment ta’ 81 għalliem mill-madwar 500 għalliem peripatetiku, li kollha huma kkwalifikati bħala għalliema tal-primarja. Kien hemm 22 minnhom li minn jeddhom talbu li jibdew jgħallmu fi skejjel tal-primarja u l-oħrajn kienu magħżula skont proċedura maqbula,” saħqet il-Ministru.

Insitiet li din is-sena nħaddmu l-istess proċeduri. Fakkret li ż-żieda fil-klassijiet kienet frott ilil-miżuri tad-distanza soċjali u anke minħaba numru akbar ta’ reġistrazzjonijiet ta’ studenti fil-primarja. 

Fil-fatt, fl-iskejjel tal-primarja nħolqot il-ħtieġa ta’ 45 klassi addizzjonali aktar mis-sena li għaddiet, spjegat il-Ministru.

Il-Ministru Caruana qalet li trid isserraħ moħħ il-ġenituri u l-istudenti li nhar l-Erbgħa l-iskejjel kollha se jiftħu u kull klassi tal-primarja se jkollha l-għalliem tagħha.

Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, Frank Fabri qal li dwar l-għalliema peripatetiċi ma sar xejn differenti minn dak li ġara s-sena li għaddiet u li kien hemm qbil dwaru mal-union.

Biex ikun żgurat li kull klassi tal-primarja jkollha l-għalliem tagħha, u wara li l-union ħarġet direttivi lill-għalliema peripatetiċi, il-Ministeru għall-Edukazzjoni rrikorra għal mezzi legali biex jassigura l-preżenza tal-għalliema fil-klassijiet.

More in Politika