L-MUT tgħid li l-ftuħ tal-iskejjel huwa ddominat minn 'paniku'

...u tisħaq li l-Ministeru fetaħ mandat ta' inibizzjoni kontra l-union biex 'jagħmel sarima ma' ħalq l-għalliema'

"Wara li ilna xhur nisimgħu lill-Ministeru tal-Edukazzjoni jgħid li għandu kollox ippreparat għall-ftuħ tas-sena skolastika, u wara l-insistenza mill-MUT mal-Ministeru sabiex dan il-pjan ikun magħruf u diskuss, il-Ministeru tal-Edukazzjoni nkixef bil-fatti fi tmiem il-ġimgħa hekk kif ġie kkonfermat li numru sostanzjali ta’ klassijiet fil-primarja jinsabu mingħajr għalliem. "

Hekk sostniet fi stqarrija il-Malta Union of Teachers (MUT) li qalet illi fl-aħħar jiem iddomina "paniku" bil-Ministeru joħroġ diversi transfers "lil numru kbir ta’ għalliema li jagħtu servizzi lill-istudenti u li jinkludu għalliema speċjalizzati fil-litteriżmu, sapport kumplimentari, sapport lill-studenti neqsin mis-smigħ, sapport lill-istudent fin-nurture class, sapport fl-isptarijiet u speċjalisti fis-suġġetti, fost l-oħrajn."

L-MUT fakkret li hi kienet diġà iddikjarat tilwima industrijali u qalet li dan it-tmiem il-ġimgħa ħarġet direttivi lill-għalliema involuti f'dawn it-transfers. 

"Illum nistgħu nikkonfermaw b’mod ċar li t-transfer ta’ grupp kbir ta’ għalliema nhar is-Sibt kien intenzjonat biex kemm l-għalliema affettwati u anki l-MUT li tirrappreżentahom ma tkun tista’ tagħmel xejn ħlief li taċċetta kull inġustizzja f’dan l-eżerċizzju. Informazzjoni li qed tasal għand l-MUT matul dawn is-sigħat turi li l-Ministeru daħħal mandat ta’ inibizzjoni kontra l-MUT fil-Qorti sabiex ixekkel lill-Union milli tħares l-interessi tal-edukaturi." 

L-MUT sejħet dan l-aġir bħala wieħed "deplorevoli" u "sintomatiku tat-tmexxija oppressiva" tal-Ministeru li qalet illi minflok imur għad-djalogu "jagżħel li jagżmel sarima ma' ħalq l-edukaturi."

'Sinjal ta' paniku' - Partit Nazzjonalista

Intant fi stqarrija l-PN qal illi lilhinn mill-ftaħir li kollox lest, it-trasferiment ta’ diversi għalliema mill-Ministeru tal-Edukazzjoni ftit sigħat biss qabel tibda s-sena skolastika biex jimla' l-vojt ta’ 150 għalliem fl-iskejjel primarji tal-istat "hija biss sinjal ta’ paniku frott ta’ nuqqas ta’ ppjanar."

Il-Partit Nazzjonalsita fakkar li hu kien wissa’ dwar in-nuqqas ta’ preparazzjoni aktar minn xahar ilu. 

"F’din is-sitwazzjoni il-Partit Nazzjonalista qiegħed f’kuntatt kontinwu mal-għalliema u l-ġenituri ta’ skejjel affetwati. Jekk ma jitrangawx l-affarijiet dan se jimpatta ukoll lill-istuenti hekk kif minn hawn u ftit ġranet oħra tibda s-sena skolastika ta’ eluf ta’ student," temm iwissi l-PN. 

More in Politika