It-tim legali ta’ Yorgen Fenech se jkunu qed itellgħu lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat u anke lill-eks Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri, bħala xhieda fil-ġuri tal-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Muscat se jkun mitlub jixhed mid-Difiża dwar il-maħfra presidenzjali mogħtija lil Melvin Theuma, l-intermedjarju tal-assassinju, fost oħrajn.
Melvin Theuma kien irrekordja l-konverżazzjonijiet li kien ikollu ma’ Fenech u dan qed jintużaw bħala prova kruċjali fil-każ.
Ta’ min ifakkar li Yorgen Fenech qed jimplika wkoll lil Keith Schembri, partikolarment bħala l-moħħ wara l-ittra, li hu kien irċieva ftit wara li ġie arrestat u li fiha kien ingħata struzzjonijiet kif għandu jitfa’ l-ħtija fuq l-eks Ministru għall-Ekonomija, Chris Cardona, li dwaru Daphne kitbet ħafna.
Cardona wkoll mistenni jittella’ bħala xhud. Huwa kien implikat fil-Qorti u deskritt bħala l-moħħ wara pjan biex tinqatel Daphne, fl-2015, liema pjan qatt ma mmaterjalizza. Skont Theuma wkoll, viċin it-tinda tal-patata, fejn ġew arrestati l-irġiel akkużati li poġġew il-bomba li qatlet lil Daphne, kien instab mowbajl, taħt il-baħar u li fih kien hemm biss in-numru ta' Cardona.
Mistenni jittella’ jixhed ukoll l-eks Deputat Kummissarju, Silvio Valletta. Valletta huwa ħabib ta’ Fenech u baqa’ jiffrekwentah anke meta dan kien suspettat. Valletta kien responsabbli għall-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne fl-ewwel ġimgħat wara l-assassinju, jiġifieri fl-aktar mument kruċjali fil-ġbir tal-evidenza.
L-akkuża formali kontra Fenech kienet ippreżentata x-xahar u li għadda u din ġabet magħha t-tmiem tal-kumpilazzjoni tal-evidenza, li tista’ tinfetaħ biss mill-ġdid jekk tinstab evidenza ġdida.
L-Avukat Ġenerali qed jitlob għal sentenza ta’ għomor il-ħabs.