Il-Gvern iħabbar l-iskema li permezz tagħha se jixtri l-proprjetajiet mikrija minn każini tal-banda

Il-gazzetta ILLUM ilha xhur issegwi din l-isfida minn meta l-każin De Paule ta' Raħal Ġdid kien se jispiċċa żgumbrat

Kif kienet żvelat il-gazzetta ILLUM, il-Gvern ħabbar skema li permezz tagħha se jkun qed jixtri dawk il-proprjetajiet li huma mikrija minn soċjetajiet mużikali biex jintużaw bħala każini tal-banda.

Għal dan il-għan, se jkun qed jintuża l-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali.

Minn meta, fl-2018, il-każin tal-Banda De Paule ta’ Raħal Ġdid kien se jispiċċa fit-triq, wara deċiżjoni tal-Qorti, il-gazzetta ILLUM baqgħet issegwi l-każ u kienet saħansitra żvelat diversi każi simili li kien hemm il-Qorti.

Fil-fatt, l-ILLUM kienet sabet xejn inqas minn 20 każin li setgħu, xi darba jew oħra, jispiċċaw b'każi simili, għax mhumiex sidien tal-proprjetà li jużaw bħala każin. 

Anke jekk il-maġġoranza tal-każini huma protetti bil-liġi, minħabba li l-kirja tagħhom hija ta’ qabel l-1995, is-sidien jistgħu jagħmlu argumenti legali oħra, biex il-każini jkollhom jiżgumbraw.

Fil-fatt, fil-każ tal-każin De Paule, l-argument tas-sidien kien idur ma’ xogħlijiet strutturali li saru mingħajr il-kunsens tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Komunitajiet, Alex Muscat, qal li esperti li jaħdmu mal-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali se jkunu qed jidħlu f’diskussjonijiet mas-sidien.

Meta l-binja tinxtara, il-Gvern isir is-sid u jibda jikri hu l-binjiet, lis-soċjetajiet mużikali, iżda bi prezz issussidjat.

Muscat saħaq li l-intenzjoni ta’ dan l-iskema huwa li tissolva kwistjoni li ilha għaddejja snin.

“Se nkunu qed inserrħu ras il-każini tal-banda u anke ras is-sidien tal-proprjetajiet,” insista.

Il-Ministru għall-Kultura, Jose Herrera, qal li l-Gvern u l-pajjiż jirrikonoxxu l-irwol importanti tal-każini tal-banda fis-soċjetà, iżd saħaq ukoll li s-sidien għandhom jiġu rrispettati u għandhom dritt li jirċievu dħul ġust mill-istess proprjetajiet.

Mistoqsi x’jiġri jekk sidien jiddeċiedu li ma jbiegħux il-proprjetà, Herrera qal li l-Gvern iħares lejn soluzzjonijiet oħra, fosthom ix-xiri ta’ proprjetajiet oħra fiż-żona. Madanakollu insista li għalissa, l-attenzjoni se tkun fuq il-binjiet li ilhom snin każini tal-banda.

Hu mifhum li l-Gvern se jkun qed jagħmel sejħa pubblika għal dawk is-sidien li jkunu jridu japplikaw.

More in Politika