Sidien ta’ ristoranti u bars lesti jaċċettaw biss klijenti mlaqqma jekk it-tnaqqis fil-protokolli jagħmel sens

X’inhuma l-protokolli li s-sidien iridu li jitnaqqsu? Lesti jaċċettaw biss klijenti mlaqqma? 9% mhux imlaqqma se jagħmlu differenza? L-ILLUM tistaqsi 

Fil-jiem li ġejjin, diversi stakeholders fis-setturi tad-divertiment u l-ospitalità se jkunu qed jiltaqgħu mal-awtoritajiet tas-saħħa biex jiddiskutu x’għandhom ikunu l-miżuri li jitnaqqsu għal dawk l-istabbilimenti li jagħżlu li jdaħħlu biss klijenti li huma mlaqqma kompletament kontra l-Covid-19. 

F’kummenti mal-gazzetta ILLUM, diversi sidien ta’ ristoranti u anke bars saħqu li jinsabu lesti li jillimitaw id-dħul fl-istabbilimenti tagħhom għall-persuni mlaqqma, jekk il-benefiċċji li jieħdu, jiġifieri t-tnaqqis fil-protokolli, ikunu jagħmlu sens u jfisser għalihom inqas kumplikazzjonijiet u aktar dħul.  

Kien il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li qal li sidien ta’ stabbilimenti jistgħu jagħżlu li jdaħħlu biss persuni mlaqqma u dawk li jagħmlu dan ikunu jistgħu jgawdu minn tnaqqis fil-miżuri, fosthom dawk marbuta mad-distanza soċjali. 

Dwar dan, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Philip Fenech, il-Viċi President tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, responsabbli wkoll mill-oqsma tad-divertiment u l-ospitalità, li kkonferma l-laqgħa li se tkun qed issir. 

“Aħna konnha diġà tlabna li jonqsu ċertu protokolli għax is-sitwazzjoni baqgħet stabbli. Bħalma għamilna dejjem insistejna li jibqa’ jkun hemm monitoraġġ,” insista Fenech. Għaldaqstant spjega li issa, aktar minn qabel, ġaladarba s-sidien se jkunu jistgħu jagħżlu li jdaħħlu biss persuni mlaqqma, tnaqqis ta’ protokolli jagħmel aktar sens. 

Liema protokolli jridu li jinbidlu? 

Iżda x’inhuma s-suġġerimenti li qed isiru, partikolarment mis-sidien? Waħda minn dawn, spjega Fenech, hija li l-klijenti jkunu jistgħu jqumu biex imorru jordnaw mal-bar, anke jekk dan ikun attrezzat b’perspex biex inaqqas il-kuntatt. 

Sa issa, persuna ma tistax tqum minn bilqiegħda u tmur tordna mal-bar u għalhekk, diversi stabbilimenti kellhom jimpjegaw aktar persuni biex jaħdmu bħala wejters. 

“Tinsix li hawn nuqqas kbir ta’ ħaddiema f’dawn is-setturi,” fakkar Fenech. Saħaq li jekk titneħħa din il-miżura, il-ħaddiema jkunu jistgħu jitqassmu fi stabbilimenti differenti. “Qed naħlu ħafna ħaddiema meta hawn bżonnhom.” 

Philip Fenech
Philip Fenech

Apparti minn hekk, ġaladarba l-klijenti kollha jkunu mlaqqma, qed jipproponu wkoll li d-distanza bejn mejda u oħra tonqos minn żewġ metri għal metru, filwaqt li madwar mejda jkunu jistgħu jpoġġu massimu ta’ għaxar persuni u mhux sitta, kif inhi bħalissa. 

Ovvjament dan iwassal biex sidien ikunu jistgħu jdaħħlu aktar imwejjed u jakkomodaw aktar klijenti. 

Proposta oħra hija dwar il-ħinijiet tal-ftuħ, hekk kif l-istabbilimenti kollha, bħalissa, jridu jagħlqu sas-2am, kemm jekk ristorant, bar jew nightclub. Fenech saħaq li issa li 91% tal-popolazzjoni hija mlaqqma, it-turisti huma mlaqqma u dawn l-istabbilimenti se jkunu jistgħu jagħżlu li jdaħħlu biss persuni mlaqqma, wasal iż-żmien li din il-miżura titneħħa. 

Jekk jiżdied id-dħul, negozju mhux se jibqa’ lura ħabba 9% mhux imlaqqma 

Kien hawn li Fenech saħaq li ħafna mis-sidien li tkellmu miegħu insistew li anke jekk ma jixtiqux jiddiskriminaw, jekk b’inqas protokolli se jkunu jistgħu jdaħħlu aktar imwejjed, iżidu l-ħin li fih jistgħu joperaw u jonqsulhom l-ispejjeż għax ma jkollhomx bżonn daqshekk ħaddiema, dan se jkun qed jgħinhom ħafna. 

‘Bil-ħinijiet kif qegħdin bħalissa mhux qed ikun hemm turnover ta’ nies. Min jidħol mhux se joħroġ biex forsi jmur xi mkien ieħor u għalhekk il-klijenti mhux se jinbidlu. Dan jagħmel differenza enormi għan-negozji,” kompla Fenech. 

Ovvjament, insista Fenech, hemm min hu kontra din il-miżura iżda saħaq li l-maġġoranza qed jargumentaw li ġaladarba huma biss 9% li ma ħadux it-tilqima u t-turisti huma mlaqqma, allura mhux se tagħmlihom differenza enormi jekk jagħżlu li jaċċettaw biss lil dawk imlaqqma. 

“Għadna ma nafux se jkunu dawn il-benefiċċji,” saħaq Fenech iżda kkonferma li s-sidien qed jisħqu li jekk dawn ikunu jagħmlu sens u jissarfu f’aktar dħul għan-negozji, allura mhux se jibqgħu lura minħabba dawk id-9%. 

Fid-dawl ta’ dan, Fenech fakkar ukoll f’kampanja personali li ħadem mal-Ministeru għas-Saħħa u Ministeru għat-Turiżmu biex persuni li jaħdmu f’oqsma differenti, partikolarment tad- divertiment u l-ospitalità, jieħdu l-vaċċin.  

Fi kliemu, bis-saħħa tagħha kien hemm madwar 600 ħaddiema, il-maġġoranza tagħhom barranin, li ressqu biex jieħdu t-tilqima. Saħaq li dan ikompli jagħmilha aktar faċli biex il-miżuri jkomplu jonqsu b’aktar serħan il-moħħ. 

“Idealment, aħna nixtiequ li nirritornaw għan-normalità sħiħa. Imma nifhmu wkoll li s-sistema li permezz tagħha ftaħna ftit ftit u kien hemm monitoraġġ ta’ kull rilaxx, ħadmet,” temm jgħid Fenech. 

Andrew Agius Muscat
Andrew Agius Muscat

Għas-sidien din se tkun deċiżjoni kummerċjali – Agius Muscat 

Intant, il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll ma’ Andrew Agius Muscat, Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA). Saħaq li l-opinjonijiet fost is-sidien u l-operaturi huma mħallta anke jekk kienu ħafna dawk li laqgħu l-aħbar. 

Insista li l-Gvern ħalla f’idejn is-sidien deċiżjoni li hija waħda kummerċjali. 

Fi kliemu, is-sidien se jkunu qed jieħu din id-deċiżjoni fuq dak li l-aktar jagħmel sens għalihom biex fl-aħħar mill-aħħar iżidu l-produttività tagħhom. Saħaq li se jkun hemm min jaċċetta, aktar u aktar jekk dan ifisser li se jkun jista’ jżid l-imwejjed, filwaqt li jista’ jkun hemm min ma jaqbillux jagħmel dan għax forsi jkun jaf li għandu ċertu klijenti leali li ma ħadux il-vaċċin. 

Mistoqsi jekk jafux x’se jkunu l-benefiċċji għal dawk li jagħżlu li jaċċettaw biss persuni mlaqqma, Agius Muscat insista li l-pożizzjoni ewlenija tal-MHRA tibqa’ li jekk ix-xjenza turi li jistgħu jonqsu ċertu protokolli, mela allura dawn għandhom jitneħħew. 

Insista wkoll li jittama li din il-miżura hija pass ieħor lejn in-normalità għax fi kliemu wieħed jifhem li l-assistenza li qiegħed jagħti l-Gvern mhijiex għal dejjem. 

“Jekk il-Gvern se jwaqqaf l-għajnuna mela allura l-operaturi għandhom ikollhom l-inċentivi biex ikunu jistgħu jaqdfu għal rashom,” temm jisħaq. 

More in Politika