Sondaġġ ILLUM | 85% tal-Maltin jemmnu li hawn wisq żvilupp għaddej bl-aktar imħassba jkunu ż-żgħażagħ

Ma hemmx wisq differenza fl-etajiet, fir-reġjuni jew inkella fl-affiljazzjoni politika. Sondaġġ ta’ POLAR għall-gazzetta ILLUM juri kif maġġoranza assoluta ta’ Maltin, hi x’inhi l-età, il-livell ta’ edukazzjoni jew inkella l-opinjoni politika tagħhom, temmen li hawn wisq żvilupp ta’ bini

Dan l-aħħar qed nitkellmu aktar minn qatt qabel dwar l-ambjent anke jekk dan ftit li xejn qed jagħmel differenza għax tħares fejn tħares tara biss krejnijiet, trakkijiet, bini tiela’ u trab. Kull ġimgħa nisimgħu b’xi żvilupp ġdid kontroversjali daqqa għax f’xi ODZ u daqqa għax se jitfa’ residenti oħra f’dell perpetwu. Il-Maltin xebgħu u dan jikkonfermah sondaġġ xjentifiku ta’ Polar għall-gazzetta ILLUM.

85% ta’ dawk li ħadu sehem fis-sondaġġ insistew li hawn wisq żvilupp ta’ bini f’Malta u kienu biss madwar 12% li għalihom qisu xejn mhu xejn u ma jaħsbux li l-iżvilupp huwa wieħed eċċessiv.

Il-mistoqsija eżatta li l-gazzetta ILLUM poġġiet quddiem dawn il-parteċipanti kienet: “Taħsbu li f’Malta hawn wisq żvilupp ta’ bini?”

Għal din il-mistoqsija, l-aktar li wieġbu “iva” kienu ż-żgħażagħ li għandhom bejn is-16 u l-35 sena, fejn maġġoranza enormi ta’ 97% qalu li hawn wisq żvilupp ta’ bini u kienu biss madwar 2% li wieġbu bil-kontra. 

Jidher li l-interess dwar l-ambjent jew l-iżvilupp jonqos mal-età, anke jekk fl-etajiet kollha kien hemm maġġoranza assoluta ta’ parteċipanti li jaħsbu li l-iżvilupp f’Malta huwa żżejjed.

Minn fost dawk li għandhom bejn 36 u 50 sena, kienu ftit aktar minn 86% li wieġbu li hawn wisq żvilupp ta’ bini filwaqt li madwar 11% wieġbu bil-kontra. Minn fost dawk li għandhom bejn il-51 u l-65 sena, kien hemm madwar 79% li lmentaw dwar l-iżvilupp, filwaqt li ftit inqas minn 19% qalu li mhuwiex minnu li hawn wisq żvilupp.

Fost l-anzjani li għandhom 65 sena jew aktar, madwar 79% qalu li hawn wisq bini tiela’ filwaqt li madwar 15% wieġbu bil-kontra.

L-Għawdxin l-aktar imħassba dwar l-iżvilupp...

Interessanti wkoll meta wieħed iħares lejn id-differenzi f’reġjuni differenti. Anke hawn, il-maġġoranza assoluta ta’ parteċipanti minn kull reġjun temmen li l-iżvilupp ta’ bini li għaddej huwa żżejjed, iżda din kienet l-akbar f’Għawdex.

Fil-fatt, minn fost il-parteċipanti Għawdxin, 90% qalu li hawn wisq żvilupp u kienu biss madwar 8% li wieġbu bil-kontra.

Mhux ta’ b’xejn li s-Sindki ta’ Għawdex kienu ngħaqdu u esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-iżvilupp “bla preċedent” li għaddej fil-gżira Għawdxija. 

Il-President tal-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex, Samuel Azzopardi meta kien tkellem quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet ta’ Għawdex, spjega kif fl-2020, l-Awtorità tal-Ippjanar kienet approvat 1,314-il permess għal żvilupp f’Għawdex, kważi d-doppju tal-permessi maħruġa tul is-sena ta’ qabel. 223 minn dawn il-permessi nħarġu f’żoni ODZ.

Wara l-Għawdxin, kif wieħed jista’ jimmaġina, l-aktar li jaħsbu li hawn wisq żvilupp huma r-residenti ta’ dawk il-lokalitajiet li jinsabu fit-Tramuntana tal-Port. Dawn jinkludu lokalitajiet bħal San Ġiljan, Tas-Sliema, is-Swieqi, il-Ħamrun, Birkirkara u l-Gżira.

Aktar minn 87% tal-parteċipanti residenti f’dawn il-lokalitajiet jaħsbu li hawn wisq żvilupp u kienu biss 10% li wieġbu bil-kontra u qalu li mhuwiex minnu li l-iżvilupp huwa eċċessiv.

Kważi tal-istess fehma kienu r-residenti li jgħixu fix-Xlokk tal-pajjiż, jiġifieri fil-lokalitajiet taż-Żurrieq, iż-Żejtun, Wied il-Għajn, Birżebbuġa u Ħal Għaxaq, fost oħrajn. Kienu ftit inqas minn 87% li saħqu li hawn wisq żvilupp u 12% li wieġbu bil-kontra.

L-inqas persentaġġ kien irreġistrat fost il-parteċipanti residenti fin-nofsinhar tal-Port, jiġifieri fil-Kottonera, il-Belt, Ħaż-Żabbar, Ħal Luqa u Ħal Tarxien, fost lokalitajiet oħra, għalkemm xorta waħda maġġoranza sostanzjali ta’ 81% tar-residenti jemmnu li l-iżvilupp li għaddej huwa wisq.

In-Nazzjonalisti ftit aktar voċiferi mil-Laburisti

L-ILLUM analizzat ukoll jekk hemmx differenza fl-opinjoni fost dawk li qalu li fl-elezzjoni ġenerali li jmiss se jivvotaw lill-Partit Laburista jew lill-Partit Nazzjonalista. Jidher li fuq din il-kwistjoni, il-Maltin jaqblu, għalkemm dawk li se jivvotaw lill-Partit Nazzjonalista kienu ħafna aktar voċiferi. 

Fil-fatt 95% ta’ dawk li se jivvotaw lill-Partit Nazzjonalista qalu li hawn wisq żvilupp u kienu madwar 4% li wieġbu kontra. Mill-banda l-oħra, kienu 74% ta’ dawk li se jivvotaw lill-Partit Laburista li qalu li hawn wisq żvilupp, filwaqt li madwar 20% wieġbu bil-kontra.

Minn fost dawk li fl-aħħar elezzjoni ġenerali għażlu li ma jmorrux jivvotaw, 85% qalu li hawn wisq bini u żvilupp għaddej filwaqt li kienu biss 14% li ma kinux inkwetati dwar dan.

L-edukazzjoni tagħmel differenza?

Jidher li anke l-livell ta’ edukazzjoni formali tagħmel differenza hekk kif dawk li rċevew edukazzjoni terzjarja dehru aktar imħassba dwar l-iżvilupp minn dawk li waqfu sal-primarja.

91% ta’ dawk li rċevew edukazzjoni terzjarja (bħalma huma dawk li ggradwaw mill-Università), qalu li hawn wisq żvilupp filwaqt li kienu 7% li qalu bil-kontra. Kważi tal-istess fehma kienu dawk li rċevew edukazzjoni post-sekondarja. Madwar 90% qalu li hawn wisq żvilupp filwaqt li 10% wieġbu bil-kontra.

Mill-banda l-oħra, minn fost il-parteċipanti li ma marrux aktar skola wara li temmew il-primarja, kienu 72% li qalu li hawn wisq bini filwaqt li 18% qalu li ma jaħsbux li hawn wisq żvilupp.

Fost dawk li waqfu mill-iskola wara s-sekondarja, 83% qalu li hawn wisq bini, filwaqt li 14% ma jaħsbux li hawn żvilupp.

Fl-aħħarnett, bejn l-irġiel u n-nisa ma kienx hemm differenzi kbar fl-opinjoni tagħhom dwar dan is-suġġett. Fil-fatt 85% tal-parteċipanti nisa u 84% tal-parteċipanti rġiel wieġbu li hawn wisq żvilupp ta’ bini u kienu madwar 12% tal-irġiel u 12% tan-nisa biss li wieġbu bil-kontra.

More in Politika