‘Robert Abela onest u jirrispetta l-intelliġenza tan-nies ... qatt ma bagħtna nagħmlu stunts redikoli’
Mid-droga, għall-ewstanasja u l-abort. L-FATF u r-responsabbilità tal-PL. Robert Abela u Bernard Grech. L-ILLUM tistaqsi lill-President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti, Georvin Bugeja
minn Albert Gauci Cunningham
Kemm ilek fil-kariga ta' President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti? X'tibdil tara li wettaqt?
Ħadt dan l-irwol fl-2020. Matul din is-sena u nofs komplejt nibni fuq il-ħidma li wettaqt kemm ilni attiv fil-politika u fil-Partit Laburista – jiġifieri primarjament biex insaħħaħ l-opportunitajiet. Flimkien mat-tim li għandi miegħi l-ħidma kienet mifruxa fuq diversi livelli. Mill-aspett politiku ma nistax ma nsemmix ir-riforma li xprunajna ‘l quddiem – qed nirreferi għall-użu personali b’mod responsabbli tal-kannabis. Sa mill-bidu, sħaqt li ma rridux nibżgħu minn dawn it-tip ta’ diskussjonijiet – li għalkemm mhux popolari, jistgħu jtaffu piżijiet kbar, imposti mis-soċjetà imma anke mill-mod li nipprijoritizzaw il-ġlieda tagħna fir-rigward ta’ sustanzi jew kriminalità. Apparti minn hekk, tkellimna f’diversi istanzi dwar temi oħra, fosthom komplejna bil-ħidma politika tagħna biex insaħħu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, u xprunajna ‘l quddiem diskussjoni biex il-liġi tad-divorzju tkun riformata fost l-oħrajn. Mhux biss, minkejja l-pandemija, saħħaħna l-parteċipazzjoni internazzjonali tagħna. Bil-kuntatt li rnexxielna noħolqu maż-Żgħażagħ Soċjalisti Ewropej (YES) irnexxielna nirbħu ‘bid’ kontra l-Irlanda ta’ Fuq biex fl-ewwel tlett ijiem t’Ottubru li ġej, Malta tkun tista’ tospita għall-ewwel darba l-Kungress ta’ din l-istess organizazzjoni – li huwa l-ogħla organu, filwaqt li jien kont avviċinat u elett bħala l-ewwel Viċi President Malti tal-YES. Bl-istess mod żammejna u saħħaħna r-relazzjonijiet tagħna mal-IUSY, l-għaqda globali tal-organizazzjonijiet taż-żgħażagħ Soċjalisti u Soċjal-Demokratiku. L-impenn li nsaħħu r-relazzjonijiet ma’ organizazzjonijiet oħra kien qawwi wkoll fuq livell lokali bid-diversi attivitajiet li ħloqna, filwaqt li biddilna d-dehra biex nibqgħu niġġeddu. Inħoss li dan l-aproċċ djalogattiv, imma assertiv favur il-bidla kien l-aktar li enfasizzajt ma’ sħabi f’dawn ix-xhur li għaddew. Imma fl-aħħar mill-aħħar, ma nistax inkun jien li niskrutinja ħidmieti stess! Inħallu f’idejn iż-żmien, biex itina parir!
Din il-fergħa hija fost dawk li dejjem imbuttat kwistjonijiet liberali 'il quddiem: Inti bħala President x'taħseb dwar il-legalizzazzjoni tal-kannabis? Ħafna jakkużaw lill-Gvern Laburista li qed jinnormalizza d-droga, kif twieġeb?
Aħna qegħdin hawn biex nimbuttaw r-riformi li s-soċjetà tagħna qed tistenna. Bħala fergħa minn dejjem konna konsistenti – għax nemmnu fil-bżonn ta’ tibdil f’dan ir-rigward. Ipparteċipajna fl-ewwel riforma li saret. Imma ħassejna li dak il-pass ma kellux ikun iżolat. Il-ħtieġa tal-bidla ma tiġix darba u daqshekk. Personalment, naf nies li għamlu jew huma users regolari. Dawn huma nies bħali u bħalek. Fuq għażla libera tagħhom, jikkunsmaw il-kannabis. Bħalissa, jiddependu mill-kriminali għax bilfors iridu jfittxu sors illegali. U x’inhuma l-konsegwenzi? Ħafna! Fosthom li kif inhi l-liġi sa issa, jekk anke jinstabu bi ftit aktar grammi milli tipprovdi l-liġi jkollhom jaffaċċjaw interrogazzjoni, multa jew jitilgħu quddiem it-tribunal. Allura rridu niddeċiedu fuq min verament trid issir il-battalja – adult/a li j/tikkonsma joint fil-kwiet ta’ daru/ha b’għażla personali jew inkella min moħħu biss biex jagħmel il-qliegħ? Nemmen li r-risposta kollha nafuha. Għalhekk mill-bidu konna ċari li naqblu li jkun hemm sors legali minn fejn wieħed jista’ jixtri l-kannabis għall-użu personali. Tkellimna man-nies, organizzajna webinar, tkellimna mal-organizzazzjonijiet, saħansitra stedinna liż-żgħażagħ tal-PN, li mhux kollha għażlu li jilqgħu l-istedina tagħna, għarbilna u ssottomettejna s-suġġerimenti tagħna lill-Gvern, għad-differenza tal-PN li la nafu x’pożizzjoni għandu u wisq anqas ipparteċipa fil-konsultazzjoni pubblika!
Kien hemm żbalji li saru, u li kellhom l-effetti tagħhom, imma bla dubju ta’ xejn li l-amministrazzjonijiet ta’ qabel il-bidu ta’ Gvern Laburista, skartaw għall-kollox milli jimplimentaw riformi bħal dawn għaliex kienu pjuttost komdi għalihom
Taqbel li jiġu legalizzati drogi oħrajn?
Din hija kwistjoni ta’ x’mudell irridu naddottaw bħala pajjiż. L-ewwel nett, ejja nitilqu mill-fatt li mhux kull droga tħalli l-istess impatt ta’ ħsara fuq il-ġisem tal-persuna. Irridu nassiguraw li kwalunkwe riforma ssir biex tipproteġi lis-soċjetà tagħna minn ħsara oltre. Nemmen li għandu jkollna qafas b’saħħtu – soċjali; ta’ saħħa; rijabilittativ u fuq kollox edukattiv, biex nassiguraw illi jonqos l-ikkunsmar tad-droga. Minn hemm irridu nibdew – kampanja “għid le” biss mhijiex is-soluzzjoni. Ejja nfehmu għaliex tgħid le; x’effetti jkun hemm fuq il-persuna u lil dawk li qegħdin fil-vizzju minflok nkissruhom aktar billi noħolqu dell fuqhom jew nemarġinawhom u naraw li nkunu nistgħu noffrulhom qafas b’saħħtu biex jirrealizzaw l-effetti tas-sustanza fuq is-saħħa fiżika u mentali tagħhom, u jirrijabilitaw.
Id-Deputat Mexxej Laburista Daniel Josè Micallef qed jimbutta favur leġiżlazzjoni għall-ewtanasja. Kwistjoni ikkumplikata li titratta wkoll l-etika medika. X'inhuma ħsibijietek?
Għalhekk il-Partit Laburista lest għat-tiġdid tal-pajjiż, għax fi ħdanu għandek nies li ma jiddejqux jesprimu l-opinjonijiet tagħhom anke fuq suġġetti sensittivi bħal dawn. Fuq din, naqbel mad-Deputat Mexxej, anke minħabba esperjenza personali li għaddejt minnha. Nemmen li l-ewtanasja b’mod volontarja f’ċirkostanzi fejn persuna tkun marida b’mard terminali għandha tiġi kkunsidrata u diskussa lil’hinn minn kwalunkwe bias jew ħsieb politiku. Bħala żgħażagħ fil-Partit Laburista konna wkoll kuraġġjużi biex nimbuttaw dan fl-2017.
Inti taqbel li jekk mara tagħmel abort għandha tintefa' l-ħabs? Għaliex?
Jien mhux persuna li niġġudika. Bla dubju li l-abort mhux suġġett ta’ li taqbel jew ma taqbilx. Irridu niddiskutu b’maturità, ‘il bogħod mis-sensazzjonaliżmu u l-emozzjonijiet. Suġġetti sensittivi jistħoqqilhom diskussjoni matura, imbagħad il-poplu jkun jista’ jifhem u jagħżel fejn jixtieq li jmur. Fl-istess waqt, nemmen li wasal iż-żmien li naqbdu diskussjoni matura dwar is-saħħa sesswali – li xi kultant inħoss li għadha taboo f’pajjiżna.
Ilum Malta tinsab fil-Lista l-Griża tal-FATF. Ma taħsibx li Gvern Laburista ġab dan fuq Malta wara li ħalla nies b'kumpaniji fil-Panama jagħmlu negozjati ta' ċerta portata? Int kont tħossok komdu b'nies bħal Keith Schembri fil-partit?
Fl-aħħar sena u nofs, l-amministrazzjoni mmexxija minn Robert Abela irnexxielha timplimenta rekord ta’ liġijiet u riformi li l-ebda Gvern ieħor ma kellu l-kuraġġ li jintroduċi. Mit-tisħiħ fil-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ħasil tal-flus għall-mod kif ikunu appuntati karigi ta’ profil importanti ħafna bħall-ġudikatura u l-maġistratura; il-Kummissarju tal-Pulizija, li ħaddieħor għażel li ma jipparteċipax fil-proċess li sar għall-ewwel darba; għall-ħatra ta’ President tar-Repubblika. Dawn huma ftit mill-ħafna liġijiet li ġew implimentati biex tonqos is-setgħa fl-irwol tal-Prim Ministru u jissaħħu l-istituzzjonijiet. Kienu problemi li bdew mill-2013? Le. Kien hemm żbalji li saru, u li kellhom l-effetti tagħhom, imma bla dubju ta’ xejn li l-amministrazzjonijiet ta’ qabel il-bidu ta’ Gvern Laburista, skartaw għall-kollox milli jimplimentaw riformi bħal dawn għaliex kienu pjuttost komdi għalihom. Is-sistema amministrattiva f’pajjiżna kienet staġnat. Bla dubju ta’ xejn bis-saħħa tal-bidliet li Robert Abela, se jkomplu jiġu milgħuba dawn l-isfidi li għandna quddiemna. Infakkrek li dawn ir-riformi ġew imfaħħra mill-Kummissjoni Venezja u l-MoneyVal.
Apparti l-ħsara li saret lil isem Malta, kemm taħseb li saret ħsara lir-reputazzjoni tal-Partit Laburista bl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia?
Bl-ebda mod ma nista’ niġġustifika delitt – speċjalment meta dan jipprova jkun ta’ theddida fuq il-libertà tal-kelma. Imma ma nistax ma nirrikonixxix li f’dan il-każ il-ġustizzja qed issir u ejja nħalluha ssir, ma kulħadd. Infakkar kif hemm persuna qed tiskonta sentenza ta’ priġunerija effettiva, filwaqt li hemm persuni oħra li huma akkużati bil-qtil jew kompliċità. Nirrikonoxxi wkoll r-rieda li dan il-każ jissolva u kif l-investigaturi ingħataw l-għodda neċessarja biex wasslu għall-konklużjonijiet tagħhom – xi ħaġa li ma rajnihiex f’każijiet oħra tal-istess portata, avolja kien hemm min wiegħed li jekk jirbaħ elezzjoni jgħaddi l-informazzjoni li kellu.
Il-ġenerazzjoni żagħżugħa speċjalment dik li ma tiftakarx Gvern Nazzjonalista sew, għadha tħares lejn il-PL għas-soluzzjonijiet? U x'inhuma s-soluzzjonijiet li l-PL qed joffri?
Il-Partit Laburista joffri s-soluzzjonijiet biex pajjiżna jibqa’ miexi ‘l quddiem, kull jum. Ejja nirrikonoxxu li bħall-kumplament tad-dinja din l-aħħar sena u nofs kienet sfida waħda wara l-oħra. Minflok awsterità, pajjiżna addotta politika ta’ inċentivi biex in-negozji, min iħaddem, il-ħaddiem, u l-familji ma jaqtgħux qalbhom. Apparti l-Covid-19 u l-miżuri kollha li ġew addottati, ma nistax ma nagħmilx referenza għall-kisbiet oħra kbar. Mill-Unjoni Ċivili għall-adozzjoni minn persuni gay għal żwieġ indaqs; il-liġi tal-koabitazzjoni; ir-riformi fil-liġijiet tad-divorzju; iż-żieda sena wara l-oħra fl-istipendji; trasport pubbliku b’xejn għall-istudenti; il-politika li wasslet għall-anqas rata ta’ qagħad, anke fost iż-żgħażagħ – dawn kollha, fost ħafna aktar huma xhieda ta’ kif il-Partit Laburista huwa s-soluzzjoni. Dan ma jfissirx li mhemmx aktar xogħol xi jsir, jew mhemmx sfidi oħra li għandhom jinstabu soluzzjoni għalihom – bħall-ambjent. Filwaqt li twettaq ħafna biex l-ambjent u l-kwalità tal-arja jitjiebu, fadal xi jsir! Imma Gvern Laburista kellu l-kuraġġ li jimplimenta proġetti kbar li ambjentalment qed jgħinnu ħafna – bħat-tneħħija tal-HFO minn Malta u x-shore to ship. Minn naħa l-oħra, kif dejjem nisħaq, hija sfortuna li s-soluzzjonijiet ta’ kif inkomplu nġeddu lil Malta joffrihom biss Partit Laburista. Ħaddieħor joffri Covid action team tal-PN, li lanqas biss jiltaqa’ u hu ispirat mill-istess nies li kitbu l-Local Plans tal-2006 li serqulna art minn barra l-iżvilupp daqs is-Siġġiewi kollu. Għalhekk ma jistgħux ikunu kredibbli meta jilgħabuha tal-puri!
Għalhekk il-Partit Laburista lest għat-tiġdid tal-pajjiż, għax fi ħdanu għandek nies li ma jiddejqux jesprimu l-opinjonijiet tagħhom anke fuq suġġetti sensittivi
Illum qed tikber ġenerazzjoni aktar sensittiva għall-ambjent. Tagħraf dan? Kif se tara li l-PL ikun xprun għal Gvern li jagħmel il-bidliet neċessarji u dawk li jirrispettaw lill-ambjent?
Fil-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista ta’ Frar 2020 kont għedt li aħna l-aktar ġenerazzjoni konxja dwar l-ambjent. U nemmen fiha. Aktar ma jgħaddi ż-żmien qed napprezzaw il-fatt li dinja waħda għandna u rridu nibżgħu għaliha – mhux biss għalina, imma għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Nemmen li qed ngħixu l-akbar kriżi eżistenzjali tal-umanità bl-isfidi kollha li qed iġġib magħna l-bidla fil-klima. F’dan is-settur mill-ġdid jidħol il-punt ta’ kredibbiltà. L-oppożizzjoni tipprova tippriedka dwar l-ambjent imma fl-istess ħin daqqa tfaħħar u daqqa ma tridx tisma dwar ir-razzjonalizazzjoni tal-2006 għax qed tieħu l-pariri ta’ min kitibhom u li żammithom fil-qalba tal-magna tal-ħidma tagħha fid-Dar Ċentrali. U allura, in-nies qed tiżen u tagħraf min tassew għandu għal qalbu l-ambjent. Min mhux biss neħħa l-aktar żejt li jniġġes mill-konsum tal-enerġija, imma issa qed jaħdem biex jaqta’ darba għall-dejjem l-HFO mill-Port permezz tax-shore to ship u jien bħala persuna li ngħix fl-akkwati napprezza l-importanza ta’ dan! Qed naraw proġett ambjentali, wieħed wara l-ieħor li jiġi mħabbar, bħal vertical green walls, miżura li aħna bħala Żgħażagħ Laburisti konna pproponejna. Qed naraw ukoll il-pjan li sal-2050 pajjiżna jkollu ekonomija ħielsa mill-karbonju. Qed issir ħidma għall-eletrifikazzjoni tal-flotot tal-vetturi, inkluż dawk tat-trasport pubbliku. Il-ban għall-importazzjoni u l-bejgħ ta’ single-use plastics sas-sena d-dieħla... dawn fost ħafna miżuri ambjentali oħra biex ikun assigurat li dak li għandna jkun protett, filwaqt li naċċertaw li l-ġenerazzjonijiet li ġejjin ikunu jistgħu jgawdu dak li aħna kellna wkoll!
Għalfejn żagħżugħ għandu jagħżel lil Robert Abela bħala Prim Ministru wara l-elezzjoni li jmiss u mhux lil Bernard Grech?
What you see is what you get. Ikolli ċ-ċans li nitkellem ma’ Robert Abela spiss u l-ispirazzjoni li jimlini biha biex inkompli naħdem biex inkomplu nitkellmu dwar what’s next għal pajjiżna hija raġuni minnha nfiha għaliex Robert Abela huwa l-għażla naturali. Apparti minn hekk Robert Abela, onest. Jirrispetta l-intelliġenza tan-nies u leali. Qatt ma ħaseb li ż-żgħażagħ se jivvutaw lill-Partit Laburista għax nitkellmu dwar il-kannabis, kif qal Bernard Grech. Qatt ma bgħatna nagħmlu stunts redikoli biex jipprova jiskurja xi punt politiku kif għamel Bernard Grech. Robert Abela dejjem kien konsistenti fil-pożizzjoni tiegħu u qatt ma ċaħad lil pajjiżu kif għamel Grech.
Il-PN jidher li qed jpoġġi liż-żgħażagħ aktar fuq quddiem. Kemm tħossha ta' theddida l-avvanz li jista' jkun qed jagħmel il-PN fost iż-żgħażagħ?
Jekk l-PN iqis li qed ipoġġi liż-żgħażagħ fiċ-ċentru għax juża xi fergħa biex jipprova jibgħat xi messaġġ politiku, naħseb li allura għandu problema kbira. Min-naħa l-oħra aħna nibqgħu mħeġġa nressqu ‘l quddiem l-ideat tagħna biex inġeddu lil Malta.
Se tkun kandidat fl-elezzjoni ġenerali li jmiss?
Fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, se niffoka biex bħala President ta’ Żgħażagħ Laburisti, nassigura li l-Partit Laburista jkun mill-ġdid l-għażla naturali tal-elettorat.