L-abbozz ta' liġi dwar it-tagging elettroniku tal-priġunieri lest biex jitressaq quddiem il-Parlament

Fost oħrajn din is-sistema se tkun qed tippermetti li priġunier li jkun wettaq reat mhux ta' natura gravi jkun jista' jkompli jistudja jew jaħdem waqt li jiskonta s-sentenza

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri ħabbar li tlesta l-abbozz ta’ liġi dwar it-tagging elettroniku biex ikun jista’ jservi ta’ alternattiva għaż-żmien fil-ħabs, f’ċirkostanzi stabbiliti mill-istess liġi.

Il-Gvern qed jipproponi li t-tagging elettroniku jkun jista’ jiġi ordnat mill-Qorti, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u anke mill-Bord tal-Parole.

L-abbozz jisħaq li t-tagging elettroniku se jkun jista’ jintuża biss għal dawk il-persuni li jkunu ngħataw sentenza effettiva ta’ ħabs u li ma tkunx itwal minn sena u li l-piena massima għar-reat li jkunu wettqu ma tkunx aktar minn sentejn.

Ċertu reati se jkunu eżenti mit-tagging elettroniku. Fost dawn huma każijiet ta’:

  • Vjolenza domestika;
  • Vjolenza tal-ġeneru;
  • Individwi li jkunu rreġistrati taħt Artiklu 3 tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri

Camilleri saħaq li din is-sistema se tkun qed tippermetti li priġunieri li jkollhom dan it-tagging elettroniku, ikunu jistgħu jmorru jaħdmu jew inkella jmorru l-iskola waqt li jiskontaw sentenza.

Qal ukoll li se jkun hemm regolatur apposta biex jara l-implimentazzjoni ta’ din is-sistema u jevalwa jekk tkunx qed taħdem kif ippjanat.

Kull sena, dan ir-regolatur se jkun qed jippreżenta rapport lill-Minsitru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u fih iniżżel ukoll kwalunkwe pjan jew inkella rakkomandazzjonijiet għall-futur. 

L-abbozz mistenni jitressaq quddiem il-Parlament malli dan jerġa’ jiftaħ wara l-btajjel tas-sajf.

Din kienet waħda mill-proposti li għamlu l-Professur Andrew Azzopardi u anke l-attivist u l-ġurnalist Peppi Azzopardi.

Aqra wkoll:

More in Politika