'Għas-soċjetà intom importanti ... u fejn inqasnikhom, aħfrulna' - Peppi u Andrew jipproponu bidliet radikali fil-Ħabs

Il-kwotazzjoni fit-titlu huwa kliem fuq poster li jixtiequ illi jitwaħħal fil-ħabs, ma' diversi oħrajn, Peppi Azzopardi u Andrew Azzopardi. Il-gazzetta ILLUM tat ħarsa lejn 100 proposta għall-Ħabs ta' dawn iż-żewġ kritiċi ħarxa tas-sistema...

Dan l-aħħar smajna ħafna dwar il-Ħabs u x'inhu għaddej u x'mhux - fost l-aktar voċiferi, speċjalment fil-konfront tad-Direttur tal-Ħabs hemm id-Dekan Andrew Azzopardi u x-xandar u ġurnalist Peppi Azzopardi. Dawn it-tnejn iżda marru pass oltrè mill-kritika u ppreżentaw 100 proposta li ħafna minnhom ċertament li se jġibulhom iċ-ċapċip u l-approvazzjoni ta' bosta iżda minn naħa l-oħra hemm proposti oħrajn li ħafna se jaraw bħala eseġerati jew li jmorru kontra dak li jemmnu huma illi għandu jkun ħabs (jew Faċilità Korrettiva - minkejja li hemm dubjii sejri kemm dak ta' Malta jew ta' ħafna pajjiżi oħrajn qed joffri korrezzjoni!).

Il-gazzetta ILLUM tat ħarsa lejn dan id-dokument u ftit  mill-aktar proposti interessanti u li jistgħu jqajmu kontroversja fih, filwaqt li għaddiet kummentarju qasir taħt kull proposta magħmula minn Peppi u Andrew!

Bagalja ħwejjeġ, benefiċċji, debit card ... malli joħorġu mill-Ħabs!

Bla flus la tgħannaq u lanqas tbus! U jekk toħroġ mill-Ħabs u la jkollok xogħol, la jkollok flus u lanqas biex tħallas kera l-probabbilità hija li terġa' tispiċċa Kordin!

F'dan l-ambitu Peppi u Andrew qed jipproponu li eżatt kif joħroġ mill-Ħabs, kull priġunier għandu jkollu impjieg li jsibulu l-Gvern. 

Iktar minn hekk iżda huma qed jipproponu li immedjatament kif joħorġu jingħataw garanzija ta' sitt xhur f'benefiċċji. 

Għandhom ikollhom debit card, liċenzja tas-sewqan u "bagalja bi ħwejjeġ għal kull staġun u kull okkażjoni - ġodda fjamanti u li jixtruhom mal-uffiċjali online biex jagħżluhom huma." 

Kumment: Din proposta li żgur li se tqajjem ħafna kontroversja u ħafna żgur li mhux se jaqblu. "U mela ma tridx inħallsulhom weekend-break ukoll hux?" se jkun hemm min jgħid. 

Tagħmel sens iżda li meta priġunier joħroġ mill-ħabs - jekk mhux jingħata bagalja ħwejjeġ u xogħol garantit mill-ewwel, imqar sistema fejn persuna li ma jkollhiex għajnuna mingħand qraba u ħbieb, ssibha mill-ewwel f'diversi forom, inkluż, kif qed jipproponu Peppi u Andrew permezz ta' benefiċċju li jista' jingħata sakemm dak il-priġunier isib xogħol. 

Jekk irridu nevitaw li dak il-priġunier jerġa' jidħol il-ħabs!

Ikel ħniżrija u mandra!

L-ikel salmura tal-ġisem, ngħidu bil-Malti. Sakemm l-ikel ma jkunx "mandra" u "ħniżrija" kif qed jisħqu li hu Peppi u Andrew fil-Ħabs. Huma għamlu diversi mistoqsijiet dwar l-ikel u talbu li ssir inkjesta dwar dan għax huwa "fundamentali għas-saħħa fiżika u psikoloġika."

Kumment: Ħadd m'għandu jippretendi l-akbar pranzi imma jekk huwa vera li l-ikel huwa kif qed jgħidu li hu Peppi u Andrew, għandha titjieb il-kwalità jew jinbidel min qed iforni dan l-istess ikel!

Ombudsman għall-Ħabs!

Peppi u Andrew qed jipproponu illi tinħoloq il-kariga ta' Ombudsman għall-Ħabs u Probation li jkollu l-għan li janalizza ilmenti u jinvestiga allegazzjonijiet ta' moħqrija, l-imwiet u jinvestiga suwiċidji jew attentati ta' suwiċidji f'din il-binja. 

Kumment: Kieku l-affarijiet qed isiru sew, kieku ma jkunx hemm bżonn din il-kariga!  Iżda bbażat fuq il-ħidma tal-Uffiċċju tal-Ombudsman f'diversi sferi tal-ħajja u kif tratta eluf ta' ilmenti diġà, wieħed jista' jasal għall-konklużjoni li din l-istituzzjoni għamlet differenza u ħalliet impatt. Għalhekk proposta ta' dan it-tip tagħmel ħafna sens, anke għax taqla' l-abbilitajiet investigattivi minn idejn persuni li forsi mhux dejjem se jkollhom l-interess tal-verità - għal idejn entità awtonoma mit-tmexxija tal-ħabs.

TV, mini-fridge, internet u aktar għal kull priġunier!

Peppi u Andrew qed jipproponu li jkun hemm ugwaljanza fil-ħabs f'diversi proposti li qed jagħmlu. 

Fosthom fuq ix-xogħol fil-ħabs stess. Peppi u Andrew jgħidu li għandha ssir sistema ta' job rotation għal kulħadd, li jkun xogħol fil-ħabs u barra "għal kull priġunier", li dan ix-xogħol "ikun ikkumpensat sew" u li kulħadd jingħata l-opportunità, "mhux kif jiddeċiedi id-Direttur Kurunell mingħajr kriterji u proċeduri."

Interessanti wkoll li Peppi u Andrew qed jipproponu li kull priġunier ikollu televiżjoni, radju, mini fridge, logħob elettroniku u użu ta' internet "mhux min għandu kollox u min ma għandu xejn."

Kumment: Mill-ġdid se jkun hemm min jakkuża lil Peppi u lil Andrew illi dawn iridu li l-ħabs jagħmluh lukanda! "Ma jridux xi jacuzzi wkoll hux?" ikun kumment tipiku taħt din il-proposta. 

Il-problema huwa l-aħħar kumment tagħhom!  Jekk huwa vera li hemm min għandu dawn l-affarijiet kollha u hemm min xejn, huwa ħażin ħafna! Toħloq inugwaljanza, stress u aktar tensjoni  - f'post fejn ma hemmx dubju li l-istress u t-tensjoni mhumiex nieqsa!

Il-bini jagħlaq u jsir mużew  - u jsir ħabs ximkien ieħor!

Peppi u Andrew qed jipproponu li l-binja tal-ħabs eżistenti tagħlaq kollha u ssir mużew - huma jgħidu simili għal Auschwitz - "biex iħammrilna wiċċna". 

Huma qed jipproponu li tinbena faċilità f'post ieħor, biċ-ċelel ikunu "moderni b'veduti", arja tajba, aktar spazju u bil-kumditajiet kollha "kif hemm f'pajjiżi ċivilizzati fejn ir-reċidiviżmu mhuwiex m'ogħla s-sema'."

Huma jgħidu li l-binja preżenti għandha ssir żona ta' rikreazzjoni, akkomodazzjoni soċjali u ċentru sportiv. 

Kumment: Il-mistoqsija hija jekk jagħlaq il-ħabs f'Raħal Ġdid fejn se jsir ieħor minfloku? Isir fejn isir se joħloq tgergir kbir - jekk isir fl-urban żgur li se jsib ħafna oppożizzjoni mir-residenti tal-lokalità. Jekk ma jsirx fl-urban isib l-oppożizzjoni ta' ħafna ambjentalisti. 

Mhux ċar ukoll kif ħabs F'Ħal Qormi, il-Mellieħa jew Kemmuna, għall-argument u eżempju - se jfisser inqas stigma, ladarba l-istituzzjoni se tibqa' l-istess. 

Oġġettivament, il-kummenti u tixbih ma' Auschwitz huma eseġerazzjoni tal-prima klassi!

Arja ikkundizzjonata!

Peppi u Andrew qed jisħqu li hemm bżonn illi tiġi nstallata arja kkundizzjonata mal-ħabs kollu "immedjatament." Jisħqu li l-bard u anke s-sħana qed tkun waħda mir-raġunijiet li qed twassal għal disperazzjpni u attentati ta' suwiċidju.

Kumment: Peress li Malta mhix eżattament l-Iżlanda u kif rajna fl-aħħar jiem is-sħana tas-sajf tista' tkun kiefra ħafna, li priġunier ikollu aċċess għall-arja kkundizzjonata għandha tkun xi ħaġa bażika. 

Peppi Azzopardi kien ikkwota lil priġunier fl-istess ċella ma' Colin Galea (li miet ftit ġranet ilu) jgħid li lanqas fann ma riedu jagħtuhom fiċ-ċella! Porkerija kbira!

Fl-aħħar mill-aħħar dawn huma bnedmin u għandhom jiġu trattati ta' bnedmin!

Rappreżentanza mill-priġunieri stess!

Waħda mill-proposti ta' Peppi u Andrew hija li kull diviżjoni jkollha r-rappreżentant tagħha tal-priġunieri u li dawn ikollhom aċċess il-ħin kollu għal membru tal-amministrazzjoni.  Qed jippropponu wkoll li jinħoloq kumitat magħmul minn priġunieri, eks-priġunieri, professjonisti, nies fil-midja u aktar.

Qed jipproponu wkoll li tinħoloq skola tal-arti espressiva fil-Ħabs li toħloq attivitajiet ta' teatru, mużika, skultura u oħrajn. 

Dan apparti li qed jipproponu wkoll li jinħoloq vlog jew gazzetta jew mezz tax-xandir li jagħtihom vuċi. 

Kumment: It-tmexxija tal-ħabs, bħat-tmexxija ta' diversi entitajiet oħrajn, ma tistax isseħħ jekk mhux bil-parteċipazzjoni tal-priġunieri. Huwa importanti li persuna tħoss li hija parti mit-tmexxija u minn dak li jiddetermina l-ambjent li fih qed tgħix, f'kull ċirkostanza u allura anke fil-Ħabs. Għalhekk din il-proposta tidher li tagħmel sens. 

Mezzi tax-xandir li jagħti vuċi lill-priġunieri huma tajbin, sakemm iżda jitmexxew u jkollhom persuna li qed tevalwa b'reqqa u tivverifika dak li qed jingħad, għax naturalment min ikollu aġenda jaħbi u min ikollu aġenda jeseġera f'ħabs (bħal kullimkien!)! Ma jidhirx iżda, bil-programmi televiżivi kif ukoll spazji li qed jingħata fil-gazzetti dan is-suġġett, li hemm bżonn mezz ieħor.

Aktar viżti u t-tfal qatt ma jitwaqqfu minnhom

Peppi u Andrew qed jipproponu li l-viżti ta' familjari jkunu aktar frekwenti, li jerġgħu jiddaħlu l-laqgħat konjugali u li t-tfal qatt ma jiġu penalizzati minn waqfa tal-viżti. Huma qed jipproponu li priġunieri bi tfal jitħallew jaraw lit-tfal f'postijiet adegwati mhux fil-Ħabs, filwaqt li jisħqu li telefonati għal Malta u anke internazzjonalment għandhom ikunu mingħajr ħlas. 

Fi proposta oħra Peppi u Andrew jisħqu li l-priġunieri għandhom jingħataw iċ-ċans ikunu preżenti f'attivitajiet bħal preċetti u birthdays "mingħajr il-bżonn ta' uffiċjali" għax jgħidu li t-tagging għandu jkun biżżejjed. 

Kumment: Parti mill-fejqan ta' persuna hija l-familja, bla dubju u f'kull ċirkostanza fil-ħajja - inkluż priġunerija. Din il-proposta tagħmel ħafna sens mil-lat uman kif ukoll dak soċjali u psikoloġiku u żgur li sservi biex tmewwet u tnaqqas mit-tensjoni tal-post. Ikun ifisser aktar bżonn ta' sigurtà - bla dubju - iżda xejn li ma jistax isir.  

Il-Kurunell Dalli - Direttur tal-ħabs
Il-Kurunell Dalli - Direttur tal-ħabs

Direttur biż-żewġ terzi u l-Ħabs taħt il-Ministeru ta' Falzon!

Naturalment ma setax jonqos li Peppi u Andrew jagħmlu proposti fuq il-kariga li tant u tant qed jikkritikaw bħalissa - jiġifieri dik ta' direttur tal-ħabs.

Huma qed jgħidu li din il-kariga għandha tingħata fuq kuntratt ta' tliet snin, li jiġi kkonfermat kull sena, liema rwol qed jipproponu li jingħata bl-approvazzjoni taż-żewġ terzi tal-Membri Parlamentari. Huma qed jisħqu li t-tmexxija tal-Ħabs għandha tiġi maqsuma bejn id-direttorat ta' tmexxija u d-direttorat tas-sigurtà - li jaqgħu d-direttur ġenerali. 

Qed jipproponu wkoll li d-direttur preżenti jgħaddi minn personality testing, "ħalli jiġi stabbilit jekk dan għandux ħiliet, l-intelliġenza emottiva u l-kapaċità li jħenn." Jipproponu wkoll li kull direttur ġdid għandu jgħaddi minn skrutinju. 

Mil-lat politiku qed jgħidu li l-Ħabs għandu jimxi taħt il-portafoll tal-Affarijiet Soċjali, taħt it-tmexxija tal-Ministru Michael Falzon li jgħidu illi għandhom fiduċja għamja fih. 

Kumment: Wara diversi riformi li saru fl-aħħar sena u nofs diversi rwoli pubbliċi u istituzzjonali bħal Ombudsman qed jinħatru biż-żewġ terzi. Naturalment kif qed naraw fil-każ tal-Ombudsman din is-sistema tista' twassal għal inċertezza minħabba nuqqas ta' qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni - minkejja li fuq il-karta tibqa' sistema tajba biex min jinħatar igawdi fiduċja politika kemm jista' jkun kbira. 

In-nuqqas ta' qbil li jwassal għal status quo għal ġimgħat jew xhur ma tistax tiġri fil-ħabs, għal raġunijiet ovvji, u forsi minflok din is-sistema għandha tkun evalwata aħjar dik li biha issa beda jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija - meta jiġi biex jinħatar id-Direttur tal-Ħabs. 

More in Politika