Stabbilimenti tad-divertiment li jdaħħlu biss persuni mlaqqma jistgħu jitnaqqsulhom il-protokolli

Fost il-protokolli jistgħu jitnaqqsulhom dawk marbuta mad-distanza soċjali

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne saħaq li stabbilimenti tad-divertiment jistgħu jagħżlu minn jheddhom li jdaħħlu biss persuni li huma mlaqqma kompletament.

Huwa qal dan waqt konferenza li matulha ħabbar bidla fir-regoli tal-kwarantina għal residenti Maltin li jkunu mlaqqma kompletament u li jirritornaw minn pajjiżi mhux meqjusa siguri għas-safar (dark-red).

Il-Ministru Fearne spjega li dawk l-istabbilimenti li jagħmlu dan jistgħu jgawdu wkoll minn rilaxx jew tnaqqis ta' protokolli, inkluż aktar rilaxx tad-distanza soċjali.

Diversi pajjiżi Ewropej, kif irrapportat diversi drabi il-gazzetta ILLUM, qed jillimitaw id-dħul fi stabbilimenti, inkluż ir-ristoranti, għal dawk il-persuni li jkunu mlaqqma kompletament.

Malta qatt ma daħlet din il-miżura għalkemm iċ-ċertifikat tal-vaċċin huwa obbligatorju biex persuna tattendi għal attivitajiet fuq skala akbar, kemm jekk bilqiegħda u issa anke dawk l-attivitajiet b'udjenza bilwieqfa, fost oħrajn.

More in Politika