Impożizzjoni jew inċentiv? Diversi pajjiżi Ewropej idaħħlu fis-seħħ restrizzjonijiet għal min ma ħax il-vaċċin

Min ħareġ jipprotesta u min ma kellux għażla oħra ħlief li jieħu l-vaċċin. Liema pajjiżi daħlu fis-seħħ restrizzjonijiet għal min ma ħax il-vaċċin? Imma għaliex ma jridux jieħdu l-vaċċin? X’inhuma l-argumenti tal-anti-vaxxers? 

Il-ġimgħa li għaddiet, għadd ta’ persuni li huma kontra t-tilqima tal-Covid-19, jew aħjar anti-vaxxers, kif qed jissejħu, għamlu protesta fil-Belt Valletta jipprotestaw kontra l-vaċċin u anke kontra r-restrizzjonijiet li fi kliemhom qed jheddu l-libertà tagħhom. Din il-protesta kienet waħda minn katina ta’ protesti li seħħew madwar l-Ewropa kollha. 

Jekk f’Malta dawk kontra l-vaċċin huma ftit u f’minoranza assoluta mhux l-istess jista’ jingħad għall-bqija tal-Ewropa u pajjiżi oħra, tant li minħabba f’hekk, il-programm tat-tilqim baqa’ lura ħafna. 

Minħabba l-fatt li dawn il-pajjiżi għadhom lura milli jilħqu l-immunità tal-massa u partikolarment issa minħabba t-theddida tal-varjant Delta, il-gvernijiet kienu kostretti jdaħħlu restrizzjonijiet, iżda din id-darba mhux għall-popolazzjoni kollha, imma għal dawk li ma ħadux  jew ma jridux jieħdu t-tilqima. 

Dan kellu effett doppju. Kien hemm min ħa t-tilqima għax dawn ir-restrizzjonijiet servew ta’ inċentiv, iżda kien hemm min ħrax aktar u żied il-protesti tiegħu, jisħaq li dawn ir-restrizzjonijiet jiksru d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. 

F’dan l-artiklu, il-gazzetta ILLUM se tkun qed iżżur diversi pajjiżi u tispjega r-restrizzjonijiet li daħlu għal dawk li għadhom ma ħadux il-vaċċin. 

Franza tagħmel il-ħajja diffiċli għal min ma jridx jieħu l-vaċċin; Jiħraxu l-protesti iżda jiżdied it-tilqim 

Fi Franza għaddejin protesti kbar, xi drabi vjolenti wkoll, hekk kif il-Gvern Franċiż qed jintroduċi fost l-aktar restrizzjonijiet iebsa għal dawk li ma ħadux jew ma jridux jieħdu l-vaċċin. 

Fi-fatt, fl-aħħar jiem, il-Parlament Franċiż approva liġi biex mill-1 ta’ Awwissu, kull persuna li tkun trid tmur tiekol f’ristorant jew inkella f’kafetterija, fost oħrajn, trid bilfors turi ċertifikat li jikkonferma jekk tkunx ħadet it-tilqima kompluta jew inkella tkunx irriżultat negattiva għall-Covid-19 f’test li jkun sar fl-aħħar sigħat. 

Dan mhux se jkun obbligatorju għal tfal taħt it-12-il sena. 

L-istess ċertifikat se jkun qed jintuża wkoll għall-ivjaġġar domestiku, inkluż għall-ferroviji. Apparti minn hekk, Franza għamlet it-tilqim mandatorju għall-ħaddiema kollha tas-saħħa. Dawk li ma jitlaqqmux jistgħu jiffaċċjaw sospensjoni. 

Il-President Franċiż Emmanuel Macron insista li l-Gvern għandu l-obbligu li jipproteġi s-saħħa pubblika, partikolarment lill-aktar vulnerabbli u jevita li l-pajjiż jerġa’ jispiċċa f’lockdown għax l-isptarijiet ma jkunux qed ilaħħqu mal-pazjenti. 

Dawn ir-restrizzjonijiet xejn ma niżlu tajjeb, b’madwar 160,000 persuni jinżlu jipprotestaw fit-toroq Franċiżi. Madanakollu, minkejja l-protesti, minn meta, fit-12 ta’ Lulju, Macron ħabbar dan il-pjan, fl-ewwel ġimgħa biss madwar 3.7 miljun persuna bbukkjaw biex jieħdu t-tilqima. Fid-19 ta’ Lulju ngħataw numru rekord ta’ 900,000 tilqima.  

F’waħda mill-ġranet ta’ din il-ġimgħa, Franza rreġistrat 22,000 każ ġdid ta’ Covid-19, l-ogħla ammont f’aktar minn xahrejn. 

L-Italja tpoġġi pressjoni fuq dawk kontra l-vaċċin billi tillimta l-attivitajiet fil-magħluq 

Ftit passi ‘l bogħod minna, fl-Italja wkoll qed jiġu organizzati protesti hekk kif il-Gvern Taljan se jkun qed jimplimenta restrizzjonijiet fuq dawk li ma ħadux it-tilqima.  

Fi kliem il-Prim Ministru Mario Draghi, dawn ir-restrizzjonijiet huma importanti biex l-Italja tevita żieda fl-infezzjonijiet, bħalma qed jiġri fil-bqija tal-Ewropa u anke biex tipproteġi l-ekonomija tagħha.  

Fil-fatt, mis-6 ta’ Awwissu, dawk kollha, inkluż turisti, li jkunu jridu jidħlu fl-istadiums, mużewijiet, teatri, ċinema u pixxini, fost oħrajn, iridu jippreżentaw dak li qed  jissejjaħ bħala ‘green pass’ li huwa estensjoni taċ-Ċertifikat Diġitali tal-Unjoni Ewropea. 

Dan se jkun obbligatorju wkoll biex persuna tkun servuta f’ristorant magħluq, jiġifieri fuq ġewwa. 

Din il-liġi mhux se tkun qed tgħodd għal tfal taħt it-12-il sena. 

Bħal fil-każ ta’ Franza, dan iċ-ċertifikat jinkludi informazzjoni dwar it-tilqima, jekk persuna tkunx irriżultat negattiva f’test li jkun sar ftit sigħat qabel jew inkella tkunx fieqet mill-Covid-19 fl-aħħar sitt xhur.  

Oriġinarjament il-proposta kienet se tinkludi wkoll l-ivjaġġar domestiku, inkluż fuq il-ferroviji. Madanakollu din ma tantx niżlet tajjeb u jidher li għalissa se tingħata l-ġenb. 

Fil-fatt, diversi partiti kienu qed jopponu din il-liġi, b’Matteo Salvini, mexxej tal-Lega Nord insista li “l-green pass għandu jintuża għall-istadiums iżda mhux biex persuna tieħu pizza.” 

Fl-aħħar jiem il-każi reġgħu bdew jiżdiedu ftit ftit, kawża tal-varjant Delta, b’diversi każi jkunu rrapportati wkoll madwar Ruma fejn saru ċelebrazzjonijiet kbar wara li l-Italja rebħet il-Euro 2020. 

“Inħeġġeġ lil kulħadd biex jieħu t-tilqima. Mingħajr it-tilqima jkollna nerġgħu nagħlqu,” insista Draghi waqt li sjega kif l-ekonomija Taljana reġgħet bdiet tikber ftit ftit b’mod parallel mal-programm tat-tilqim.  

Il-Ġermanja u t-Turkija wkoll qed jikkunsidraw li jillimitaw l-attivitajiet għal min ma ħax il-vaċċin 

Anke l-Ġermanja qed tikkunsidra li ddaħħal restrizzjonijiet għal min ma ħax il-vaċċin jekk il-każi ta’ Covid-19 jiżdiedu drastikament fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin. 

Ikkonferma dan, iċ-Chief of Staff tal-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel li insista li l-Ġermanja mhux se tkun qed terġa’ tidħol f’lockdown nazzjonali ieħor. 

Insista li persuni li ma ħadux il-vaċċin jistgħu jitwaqqfu milli jidħlu fi stabbilimenti bħar-ristoranti, it-teatri jew l-istadiums, għax fi kliemu “ ir-riskju għalihom u għal ħaddieħor huwa ogħli.” 

Kompla jisħaq li l-vaċċin huwa importanti għax jevita infezzjoni b’sintomi severi u għax “dawk bit-tilqima se jkollhom aktar libertà minn dawk li ma jiħduhiex.” 

Mistoqsi jekk dan hux legali, Braun insista li “l-istat għandu r-responsabbilità li jipproteġi s-saħħa taċ-ċittadini tiegħu.” 

Il-każi qed jiżdiedu wkoll fit-Turkija, b’rapporti jisħqu li anke l-Ministeru għas-Saħħa Tork mistenni jżid il-ħidma tiegħu biex jikkonvinċi aktar nies biex jieħdu l-vaċċin u jilħaq l-immunità tal-massa. 

Fil-fatt, skont l-istess rapporti, jekk it-Turkija ssibha diffiċli biex tilħaq l-immunità tal-massa, partikolarment issa bit-tixrid tal-varjant Delta, persuni li ma jiħdux it-tilqima jistgħu jitwaqqfu milli jidħlu fi stabbilimenti, bħalma huma dawk kummerċjali.  

Liema pajjiżi oħra Ewropej qed jintroduċi restrizzjonijiet simili? 

Awstrija: Ħadd ma jista’ jidħol fit-teatri, il-lukandi, faċilitajiet sportivi jew stabbilimenti tas-sbuħija mingħajr prova li persuna tkun ħadet it-tilqima, għandha f’idha test negattiv jew fieqet mill-Covid-19 fl-aħħar sitt xhur 

Ċipru: Kull min jidħol f’ristorant, bar jew stabbiliment ieħor tal-ospitalità jrid jippreżenta l-Coronapass. Dan jinkludi informazzjoni dwar it-tilqima jew testijiet negattivi. Dan huwa differenti miċ-Ċertifikat Diġitali tal-UE. 

Danimarka: Id-Danimarka wkoll qed titlob Coronapass għar-ristoranti (fuq ġewwa) jew biex persuna tattendi attivitajiet kulturali. 

Latvja: Kulħadd jista’ jiekol fir-ristoranti fuq barra imma persuni li ħadu l-vaċċin biss jistgħu jieklu f’ristoranti fil-magħluq jew jidħlu f’gyms, ċinema jew teatri. 

Litwanja: Persuni li ħadu l-vaċċin biss jistgħu jieklu f’ristoranti fil-magħluq jew jaċċessaw siti oħra kulturali u ta’ divertiment. Dawk li ma ħadux il-vaċċin qed ikunu offruti biss takeaway jew inkella mejda fuq barra. Turisti jistgħu jużaw iċ-ċertifikat diġitali tal-UE. 

Lussemburgu: Klijenti biss li għandhom ċertifikat diġitali tal-vaċċin jistgħu jidħlu fi stabbilimenti tal-ospitalità fil-magħluq sas-1am mingħajr restrizzjonijiet. Min ma ħax it-tilqima jrid jilbes il-maskra u jżomm id-distanza soċjali. 

Olanda: Ma hemm l-ebda restrizzjoni diretta għal min ma ħax il-vaċċin iżda huma dawk in-negozji biss li qed jitolbu ċ-ċertifikat tal-vaċċin li qed jitħallew jiftħu bil-kapaċità massima. 

Portugal: F’dawk l-ibliet jew żoni fejn ir-riskju huwa għoli għax it-tixrid tal-virus huwa kbir, persuna trid tippreżenta ċertifikat tal-vaċċin jew inkella test negattiv biex tidħol jew toħroġ minnhom. Dan jinkludi l-ibliet ta’ Porto u Lisbona, bir-restrizzjoni tidħol fis-seħħ mit-3pm nhar ta’ Ġimgħa u tibqa’ fis-seħħ sas-6:00am tat-Tnejn. 

Slovenja: F’postijiet fil-magħluq, bħar-ristoranti, jistgħu jidħlu persuni li għandhom minn 18-il sena ‘l fuq u li huma mlaqqma kompletament jew inkella jkunu għamlu test kontra l-Covid-19 u jkun irriżulta negattiv. L-imwejjed xorta waħda jridu jkunu tliet metri ‘l bogħod minn xulxin. 

Imma eżattament x’inhuma l-argumenti ta’ dawk kontra l-vaċċin? Mistoqsija u risposta... 

  • ‘Il-vaċċin kontra l-Covid-19 kien żviluppat malajr wisq.’ 

Għandhom raġun. Huwa minnu li l-vaċċin kien żviluppat malajr. Il-gazzetta ILLUM kienet staqsiet din il-mistoqsija lill-virologu Chris Barbara. Din kienet it-tweġiba tiegħu: “F’dan il-każ ir-riċerka tal-messenger RNA (mRNA) qed nitkellem fil-każ ta’ Pfizer u l-Moderna u tad-DNA fil-każ ta’ AstraZeneca, kienet diġà lesta. Għaliex? Għax kellna l-virus kuġin tal-Covid-19, jiġifieri s-SARS, li l-kumpaniji kienu diġà għamlu ħafna riċerka fuqu biex ikunu jistgħu jagħmlu tilqima. Fi kliem sempliċi, dak il-homework kien lest. Hemm ukoll it-tliet stadji ta’ testijiet li vaċċin irid jgħaddi minnhom. Fl-ewwel fażi, it-testijiet isiru fuq l-annimali, imbagħad fuq grupp żgħir ta’ nies u wara fuq kwantità ta’ nies. Dawn l-istadji wkoll ġew aċċellerati għax il-voluntiera ġew imħallsa. Apparti minn hekk, ħadu sehem ħafna aktar nies. Jekk nieħdu l-Pfizer, din il-kumpanija għamlet it-testijiet mhux fuq 10,000 persuna imma fuq 44,000 persuna. Diġà n-numri huma kbar biżżejjed biex jekk kien hemm effetti sekondarji, wieħed kien se jinduna. L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċina wkoll ġieli tieħu xhur jew snin biex tagħti liċenzja lil vaċċin. Din id-darba, dan il-vaċċin dejjem tpoġġa fuq quddiem nett tal-aġenda għax kien hawn pandemija. Għalhekk huwa minnu li l-proċess ġie aċċellerat imma ma jfissirx b’daqshekk li l-prodott mhuwiex tajjeb. 

  • ‘Ma sarux testijiet fit-tul. Ma nafux x’inhuma l-effetti’ 

Anke din il-mistoqsija kien weġibha tant tajjeb il-virologu Barbara. Huwa kien spjega hekk: “Dawn il-vaċċini, li huma bbażati fuq il-Messenger RNA, ilna aktar minn għaxar snin nużawhom fil-kura għall-kanċer. Fi kliem sempliċi, il-proteini huma l-istess u ħadd ma kellu effetti sekondarji fit-tul. Jiġifieri l-effetti sekondarji huma ugwali għat-tilqim l-ieħor li nieħdu ta’ spiss, bħal dik tal-influwenza. Ma hemm xejn partikolari li jindika li l-vaċċin kontra l-Covid-19 qed joħloq xi problemi.” 

  • ‘Bil-vaċċin u mingħajru xorta żdiedu l-każi. X’nieħdu nagħmel?’ 

Ma hemmx għaliex immorru ‘l bogħod. Inħarsu lejn Malta. Fl-aħħar jiem esperjenzajna żieda fil-każi ta’ Covid-19. Dan huwa minnu. Imma l-każi fl-isptarijiet baqgħu baxxi u persuna waħda biss kella tiġi rikoverata fl-ITU. L-istess seħħ fir-Renju Unit u anke fl-Iżrael. Ara fir-Russja, fejn ftit nies għadhom tlaqqmu, żdiedu l-każi, żdiedu n-nies fl-isptar u anke l-imwiet. Veru li jista’ jkun hemm nies li jimirdu bil-virus. It-tilqima mhijiex 100% effettiva. Madanakollu, għal dawn, ir-riskju li jimirdu serjament huwa ħafna inqas. 

  • ‘Xorta tista’ tgħaddi l-virus li ħaddieħor jekk tkun ħadt it-tilqima’ 

Studji juru li l-vaċċin inaqqas ir-riskju ta’ trasmissjoni bejn 60 u 80%. Anke jekk ir-riskju ma jiġix eliminat kompletament, f’termini ta’ saħħa pubblika, il-vaċċin qed jgħin sostanzjalment biex jonqos it-tixrid tal-virus. Għalhekk, aktar ma jitlaqqmu nies, aktar hemm ċans li titwaqqaf l-imxija. It-tixrid tal-virus diffiċli biex ikun eliminat kompletament, imma huwa żgur li t-tilqim jipproteġina kontra infezzjonijiet b’sintomi severi. 

  • ‘Qed jagħtuna biċċa mill-virus. Il-vaċċin ibiddel il-ġenetika tagħna’ 

It-tweġiba hija waħda teknika għalhekk aħjar inħallu f’idejn il-virologu. Mal-ILLUM kien wieġeb hekk: ‘Inti mhu se tieħu l-ebda virus fit-tilqima. Fi kliem sempliċi, kulma tieħu fit-tilqima hija biċċa proteina li hija messaġġier u li tidħol fiċ-ċelloli tagħna u li tipproduċi dik ix-xewka, li jkun hemm fil-virus (aħna bl-Ingliż insejħulha spike), li l-ġisem tagħna jaħsibha l-virus u jibda jiġġildilha, billi jiżviluppa dawk iċ-ċelloli bojod, l-antibodies. Kif ikollok dawn l-antibodies, persuna tkun protetta mill-infezzjoni imma bl-ebda mod mhu se tkun infettata bil-virus u tkun tista’ tgħaddih lil ħaddieħor.’ 

  • ‘L-effetti sekondarji tal-vaċċin huma ħafna agħar u perikolużi mill-virus’ 

Vera li kien hemm xi każi ta’ persuni li żviluppaw għoqod fid-demm jew kellhom kumplikazzjonijiet wara li ħadu t-tilqima. Huwa minnu li għal dawn il-persuni, ir-riskju kien akbar milli kieku ħadu l-virus. Ngħiduha kif inhi. Dawn il-każi komplew iżidu x-xettiċiżmu fil-vaċċin. Madanakollu dawn il-każi huma estremament rari. Jgħidu dan l-aġenziji u l-awtoritajiet tas-saħħa. Kif jgħid il-virologu  Barbara: ‘Il-benefiċċji tal-vaċċin huma bil-wisq akbar mir-riskji.’ Wara kollox, kull mediċina għandha r-riskji u l-effetti sekondarji tagħha, mill-vaċċin tal-Covid-19 sa panadol. 

More in Politika