Tintemm il-kwarantina f'lukanda għar-residenti Maltin li jkunu mlaqqma kompletament

Fearne saħaq li l-biża' mill-pandemija ma tistax twaqqaf pajjiż u li x-xjenza għandha tintuża biex jitnaqqas ir-riskju u biex il-ħajja tersaq aktar lura lejn in-normalità

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li dawk il-persuni li jkunu qed jirritornaw minn pajjiżi meqjusa mhux siguri għas-safar (dark-red), se jkunu jistgħu jagħmlu kwarantina fid-dar tagħhom, sakemm ikunu kompletament imlaqqma u anke dawk il-persuni li jgħixu magħhom.

Fearne ħabbar dan meta kien qed jitkellem waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha inawgura CT scan ġdid fl-isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo.

Id-deċiżjoni ttieħdet wara pressjoni kbira minn diversi residenti Maltin u oħrajn li minkejja li kellhom proprjetà f’Malta kienu kostretti jagħmlu kwarantina f’lukanda wara li waslu minn dawn il-pajjiżi. 

Madanakollu Fearne spjega kif il-kwarantina f’lukanda se tibqa’ tapplika anke għal dawk il-persuni li jgħixu fi djar ma’ aktar minn erba’ persuna (anke jekk ikunu mlaqqma) u għal dawk il-persuni li ma jkunux imlaqqma kompletament.

Qal ukoll li Malta se tkun qed taġġorna l-lista ta’ dawn il-pajjiżi fil-jiem li ġejjin, fejn indika li pajjiżi bħar-Russja u anke l-Indja se jkunu qed jitneħħew mil-lista.

“Ma nistgħux inħallu l-biża’ mill-pandemija tipparalizzana. Se tibqa’ magħna fit-tul u għalhekk irridu nitgħallmu ngħixu biha,” insista l-Ministru.

Insista li dan ma jfissirx li wieħed jinjora l-miżuri kollha, imma li l-pajjiż juża x-xjenza biex inaqqas ir-riskju u anke biex jersaq kemm jista' jkun lejn in-normalità. 

Aqra wkoll:

More in Politika