Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Baġit li se jkun qed jitħabbar fil-11 ta’ Ottubru se jkun qed jibni qafas ekonomiku u finanzjarju biex isaħħaħ il-kompetittività ta’ Malta.
Huwa qal dan waqt iċ-ċerimonja li matulha l-kumpanija De La Rue ħabbret li se tkun qed tibni impjant ġdid u toħloq madwar 100 impjiet ieħor.
“Il-miżuri u l-inizjattivi li se jitħabbru se jikkonfermaw għal darba oħra li Malta hija kommessa li tikkonsolida l-pożizzjoni tagħha bħala pajjiż ideali għall-investituri internazzjonali f’setturi differenti,” insista l-Prim Ministru.
Il-kumpanija internazzjonali De La Rue, li tispeċjalizza fl-istampar ta’ flus u affarijiet oħra relatati se tkun qed tespandi l-operat tagħha f’Malta u se tbiddel il-faċilità eżistenti għall-akbar waħda li se jkollha.
Il-Prim Ministru saħaq li investiment bħal dan ikompli jsaħħaħ ir-rieda tal-Gvern li jattira lejn Malta aktar investiment.
Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija, Clice Vacher qal li l-kumpanija rċeviet l-appoġġ kemm tal-Gvern u anke tal-Malta Enterprise.
Ħabbar li l-faċilità eżistenti ta’ 17,000 metru kwadru se tkun qed tespandi biex tkun mifruxa fuq medda ta’ 29,000 metru kwadru.
Vacher spjega li dan se jkun ifisser il-ħolqien ta’ 100 karriera ġdida u mhux sempliċiment impjiegi.