Sajjieda Beltin jakkużaw lill-PA li mhux tieħu azzjoni dwar tinda illegali quddiem ristorant f'Marsamxett

Mhux l-ewwel darba li l-istess ristorant spiċċa fl-aħbarijiet hekk kif jinsab f'nofs investigazzjoni dwar ħasil ta' flus u traffikar taż-żejt

Il-Komunità tas-Sajjieda ta’ Marsamxett qed jakkużaw lill-Awtorità tal-Ippjanar li qed tibqa’ tagħlaq għajnejha dwar it-tinda li tpoġġiet quddiem ir-ristorant Porticello, minkejja li t-tribunal kien iddikjaraha illegali.

L-Għaqda Komunitarja tas-Sajd Marsamxett flimkien ma’ ħames individwi oħra li jaħdmu, jistadu jew inkella għandhom proprjetajiet f’din is-żona, ressqu protest ġudizzjarju kontra l-Awtorità tal-Ippjanar wara li din naqqset milli tieħu azzjoni kontra t-tinda illegali.

It-tinda hija waħda kbira, u kważi kważi tokkupa spazju daqs ir-ristorant innifsu. Din ġiet installata quddiem il-binja storika li kienet isservi bħala għassa tal-pulizija.

Il-protest ġudizzjarju qed jisħaq li ma kien hemm l-ebda permess għal din it-tinda jew inkella biex jinħarġu l-imejjed u s-siġġijiet hekk kif l-applikazzjoni kienet ġiet miċħuda mill-Awtorità tal-Ippjanar wara li kienu saru diversi oġġezzjonijiet.

Din id-deċiżjoni kienet ġiet ikkonfermata anke fl-istadju tal-appell mit-Tribunal għall-Ambjent u l-Ippjanar.

Il-protest ġudizzjarju jisħaq ukoll li t-tinda qed tagħlaq it-triq b’mod partikolari għas-sajjieda u għal dawk li jkunu jridu jgħaddu għall-proprjetà tagħhom. 

Minkejja dan kollu, il-protest ġudizzjarju jisħaq li l-Awtorità tal-Ippjanar għadha ma ħaditx passi biex tassigura li din it-tinda titneħħa.

Il-protest ġudizzjarju jagħti lill-Awtorità tal-Ippjanar ċans ta’ għaxart ijiem biex tieħu azzjoni diretta biex titneħħa din it-tinda u wissa li l-komunità se tkun qed iżommha responsabbli għad-danni jekk dan ma jseħħx.

Ir-ristorant jinsab f'nofs investigazzjoni dwar ħasil ta' flus u traffikar taż-żejt

Mhux l-ewwel darba li dan ir-ristorant spiċċa fl-aħbarijiet. Is-sid tiegħu kien Darren Debono, l-eks futboler internazzjonali Malti li llum huwa implikat, akkużat u investigat b’allegazzjonijiet ta’ traffikar taż-żejt.

Fil-fatt, oriġinarjament huwa kien jismu Scoglitti qabel ma’ spiċċa blacklisted mill-Gvern tal-Istati Uniti minħabba allegazzjonijiet ta’ traffikar taż-żejt.

Eventwalment, l-isem tar-ristorant inbidel għal Porticello tant li f’Settembru l-2018, id-Dipartiment tat-Teżor Amerikan kien aġġorna l-lista tas-sanzjonijiet biex jirriflettu wkoll il-bidla fl-isem.

Ir-ristorant kien ingħalaq ftit wara l-arrest ta’ Debono f’Katanja f’Ottubru tal-2017, iżda reġa’ nfetaħ f’April tal-2018 bl-isem ġdid.

Aktar kmieni din is-sena, ttellgħu wkoll il-Qorti Florinda Sultana u Albert Buttigieg. Huma qed ikunu akkużati b’ħasil ta’ flus.

Huma tressqu l-Qorti wara investigazzjoni fuq numru ta’ kumpaniji li joperaw ir-ristoranti Porticello fil-Belt Valletta u Capo Mulini f’Marsaxlokk. Qed ikun allegat li ż-żewġ ristoranti kienu involuti f’ħasil ta’ flus assoċjat mat-traffikar taż-żejt.

Sultana hija bint il-mara ta' Darren Debono

More in Politika