'Kwarantina f'lukanda għal min għandu residenza f'Malta ma tagħmilx sens' - Agius Saliba

Agius Saliba jappella għal aktar flessibbilità biex ma jinħolqux problemi inutli 

L-Ewroparlamentari Laburista, Alex Agius Saliba saħaq li d-deċiżjoni li persuni li għandhom residenza f'Malta jkunu obbligati jagħmlu kwarantina f'lukanda, ma tagħmilx sens.

Huwa qal dan f'kumment fuq Facebook wara diversi rapporti u lmenti minn persuni li waslu f'Malta minn pajjiżi meqjusa perikolużi għas-safar (dark red), minħabba l-pandemija u kienu msakkra f'lukanda minkejja li għandhom residenza f'Malta.

Fil-fatt, tliet residenti Maltin ressqu protest kontra s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci, jisħqu li din id-deċiżjoni kissret id-drittijiet fundamentali tagħhom. Dawn il-persuni qed ikunu kostretti jħallsu €1,400.

Anke l-influencer Daniel Umanah ħeġġeġ lill-awtoritajiet biex iħallu lil oħtu Rachel, li għandha d-Down Syndrome, biex titħalla tagħmel il-kwarantina d-dar u mhux tinqafel f'lukanda.

"Hija prerogattiva tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika illi timponi kwarantina obbligatorja lil dawk illi jkunu ġejjin minn pajjiżi fejn l-imxija tal-Covid-19 tkun waħda qawwija. Madanakollu nemmen illi s-sistema tal-Covid-19 Hotels fejn dawk illi diġà għandhom residenza f'Malta qed jiġu obbligati jużaw bilfors dawn l-istess lukandi hija xi ħaġa illi ma tagħmel l-ebda sens," saħaq Agius Saliba.

Irrefera għall-każ ta' Rachel Umanah u qal li dan huwa wieħed minn ħafna każijiet fejn qed jinħolqu problemi inutli illi jistgħu faċilment insolvuhom bi ftit aktar flessibilità.

Aqra wkoll:

More in Politika