Kwarantina f'lukandi; Il-PN jappella għal aktar sensittività għal min għandu residenzi alternattivi

Stephen Spiteri, insista li l-PN qed jirċievi ħafna rapporti mingħand persuni li jkunu ġejjin minn pajjiżi meqjusa red zones u qed ikunu kostretti jagħmlu kwarantina f'lukanda minkejja li jkollhom residenza alternattiva

Il-Partit Nazzjonalista insista li diversi persuni qed jispiċċaw b'piż finanzjarju kbir hekk kif qed ikunu kostretti jagħmlu kwarantina f'lukandi minkejja li għandhom residenza alternattiva.

Fi stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, Stephen Spiteri, insista li l-PN qed jirċievi ħafna rapporti mingħand persuni li jkunu ġejjin minn pajjiżi meqjusa red zones u qed ikunu kostretti jagħmlu kwarantina f'lukanda minkejja li jkunu għamlu arranġamenti oħra għal kwarantina jew saħansitra jkollhom residenza alternattiva.

"Dan qiegħed iwassal għal piżijiet finanzjarji bla bżonn fuq dawn il-persuni. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jitlob għal aktar trasparenza fejn jidħol il-bżonn ta’ kwarantina għal dawn il-persuni u jappella għal sensittività tal-awtoritajiet tas-saħħa għal dan kollu, filwaqt li jibqgħu jiġu osservati l-protokolli tas-saħħa pubblika," insistiet l-istqarrija.

Mill-banda l-oħra, il-PN insista li jaqbel minħabba f’diversi fatturi marbutin mal-varjant tal-COVID-19, persuni li jkunu ġejjin minn dawk il-pajjiżi definiti bħala red zones għandhom jagħmlu perjodu ta’ kwarantina. Dan sabiex jiġi żgurat li s-saħħa pubblika tibqa tiġi mħarsa.

More in Politika