Il-PN iwiegħed li se joħroġ lill-Malta 'mill-ispirall ta’ degradazzjoni morali li daħħalha fih il-PL'

'Il-korruzzjoni bla qies ser iddaħħalna ġol-ħajt u diġà bdiet tagħmel dan bil-greylisting' 

"Il-Partit Nazzjonalista għandu l-obbligu morali u politiku li joħroġ lill-Malta mill-ispirall ta’ degradazzjoni morali li daħħalha fih il-Partit Laburista." Hekk sostna il-PN iktar kmieni illum f'konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-President tal-Kunsill Ġenerali u l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Mark Anthony Sammut u flimkien mal-kandidat Charles Azzopardi.

Huma tennew li Gvern ġdid taħt l-amministrazzjoni Nazzjonalista għandu jara li l-liġi tapplika għal kollox u għal kulħadd filwaqt li "jnaddaf il-politika mill-ħmieġ li daħħalha fiha l-Partit Laburista."​

Dan kollu intqal fid-dawl ta' rapporti li ħarġu lbieraħ fejn ġie żvelat li kumpanija li kienet tuża l-istess indirizz tal-Partit Laburista fasslet abbozz ta’ ‘ftehim’ ta’ konsulenza li kellu jwassal biex tirċievi sa €200,000 mingħand is-sid ta’ 17 Black, Yorgen Fenech.

Il-Partit Nazzjonalista fakkar li "sal-lum il-PL jibqa’ ma jinnegax li għaddew l-invoices imsemmija fir-rappurtaġġ." Skont huma dan juri kif fil-Kwartieri Laburista hemm "ras il-qarnita tal-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus."

Fil-konferenza ssemma wkoll li l-PN jemmen li dan huwa l-eżatt kuntrarju ta’ dak li tirrakkomanda l-inkjesta tal-imħallfin dwar l-impunitá li ħoloq il-Gvern Laburista li "Robert Abela qal li jaċċetta u li jrid, attaparsi, jimplimenta." Dan filwaqt li qalu li dan kollu qiegħed isir waqt li mijiet ta’ professjonisti u ħaddiema f’pajjiżna qed iħallsu l-prezz għoli ferm tal-Greylisting, b’mijiet ta’ kumpaniji jikkunsidraw down-sizing jew tkeċċija ta’ ħaddiema.

"Kif jista’ qatt l-FATF jew il-komunitá internazzjonali tagħti xi tip ta’ kunsiderazzjoni lil Robert Abela meta dan imexxi partit li ried idaħħal €200,000 baxx baxx mingħand Yorgen Fenech bl-użu ta’ qoxra wara oħra orkestrati min nies imdaħħlin fit-tmexxija tal-Partit Laburista u fl-għoti tal-kuntratti multi miljunarji bħal tal-vitals."

Il-konferenza spiċċat b'wegħda mill-PN li f’isem il-poplu Malti kollu, inkluż il-ħafna Laburisti ġenwini li huma ddiżgustati bid-degradazzjoni morali tal-Partit Laburista, il-PN irid ikun il-gvern ġdid li jnaddaf lil Malta minn din il-qarnita ta’ korruzzjoni. Dan għaliex bħala partit mhux ser jittollera dan "l-istat ta’ impunitá li jrid il-Labour għax il-poplu jaf li l-korruzzjoni bla qies ser iddaħħalna ġol ħajt u diġà bdiet tagħmel dan bil-greylisting."  

Il-kelliema fl-aħħar ħabbru, li huma sejrin id-depot biex jitolbu lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga dawn l-allegazzjonijiet.

More in Politika