Rapporti li kumpanija b'rabtiet mal-PL daħlet fi ftehim biex tirċievi €200,000 mingħand Yorgen Fenech

Skont l-istess rapporti kien l-eks Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Gino Cauchi li ddiskuta l-ftehim ma' Yorgen Fenech

L-eks Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Gino Cauchi, kien iddiskuta ma’ Yorgen Fenech ftehim ta’ ‘konsulenza’ biex kumpanija b’rabtiet mal-Partit Laburista tirċievi €200,000 mingħand Tumas Group.

Skont The Times of Malta, Fenech kien irċieva kopja ta’ ftehim, li kien għadu abbozz, u li fih kien ġie spjegat li dan jorbot liż-żewġ partijiet għal 33 xahar. Cauchi kien iffirma l-kommunikazzjoni ma' Fenech bħala ‘Gino.’

Dan l-abbozz kien intbagħad f’Mejju tal-2016 f’isem il-kumpanija B.E.D Limited. 

Il-kumpanija twaqqfet fl-2013 u għalkemm dak iż-żmien ma kellha l-ebda konnessjoni mal-Partit Laburista, is-sid tagħha kien Samuel Agius Livori, li kien jaħdem bħala assistent tal-kommunikazzjoni mal-Gvern. 

Skont dan l-abbozz, Fenech kellu jħallas lill-kumpanija €6,000 fix-xahar u dan biex taġġixxi ta’ ‘konsulent’ għal Tumas Group fuq kwistjonjiet li għandhom x’jaqsmu ma’ PR u reklamar, fost oħrajn. 

L-istess rapport jgħid li minn tal-inqas żewġ invoices intbagħtu minn B.E.D Limited lil Fenech fl-2018. 

F’din is-sena, l-indirizz tal-kumpanija kien inbidel għall-istess stabbiliment tal-ONE Productions fil-Marsa. Fil-fatt, l-istess invoices, isemmu dan l-indirizz. Minn dak iż-żmien, l-indirizz tal-kumpanija reġa’ nbidel. 

Mistoqsi mill-gazzetta, Cauci qal li ma kien iffirma l-ebda ftehim mal-Partit Laburista iżda saħaq li għadu “ħabib kbir” mal-persuna li waqqfet din il-kumpanija. 

Il-Kap Eżekuttiv ta' ONE Productions, Jason Micallef, ma weġibx meta mitlub jikkummenta.

Ta’ min isemmi wkoll li B.E.D Limited tfisser Brand Expo Design. F’Diċembru tal-2020, kumpanija ġdida bl-isem ta’ Brand Expo Design kienet twaqqfet minn ONE Productions.

F’Ġunju tal-2018, is-sid tal-kumpanija ma baqax Samuel Livori imma sar Robert Borg. Huwa kien wieħed mill-persuni li poġġa fuq panel li twaqqaf apposta u li għażel lil Vitals Global Healthcare biex tieħu f’idha t-tmexxija ta’ tliet sptarijiet pubbliċi, liema kumpanija falliet, telqet mill-pajjiż u ħalliet kollox f’idejn Steward Healthcare. 

Ras il-qarnita tal-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus qiegħda propju fil-kwartieri Laburista - PN

Intant, fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista saħaq li din l-istorja turi li l-Partit Laburista "huwa effettivament ‘il fuq mil-liġi u jista’ jitqies bħal ‘best practice’ għal min irid jaħsel flus maħmuġin u jaħbi flejjes għaddejjin mingħand interessi kummerċjali jew kriminali għand il-politiċi."

Fi stqarrija, il-PN saħaq li dan huwa kuntrarju ta’ dak li tirrakkomanda l-inkjesta tal-imħallfin dwar l-impunità li ħoloq il-Gvern Laburista.

"Propju waqt li mijiet ta’ professjonisti u ħaddiema f’pajjiżna qed iħallsu l-prezz għoli ferm tal-Grey-listing, b’mijiet ta’ kumpaniji jikkunsidraw down-sizing jew tkeċċija ta’ ħaddiema, il-Partit Laburista inkixef li huwa stess qed jirrikorri għal ħasil tal-flus bl-aktar mod oxxen," insista l-PN. 

Insista li l-FATF jew il-komunità internazzjonali ma' tista' qatt tagħti xi tip ta’ kunsiderazzjoni lil Robert Abela meta dan imexxi partit li ried idaħħal €200,000 baxx baxx mingħand Yorgen Fenech.

"Il-qarnita tal-korruzzjoni kollha ġo pajjiżna qegħda fil-kwartieri laburista mmexxija minn Robert Abela. Il-Partit Laburista għandu issa, hekk kif ninsabu fuq l-għatba ta’ elezzjoni ġenerali, jiddikjara jekk għandux arranġamenti oħra bħal dawn ma’ benefatturi oħra bħal Sadeen li tawh artijiet seafront fiż-Żonqor jew Ram Tumuluri li tawh tliet sptarijiet bid-deal ta’ aktar minn biljun euro," insista l-PN.

Il-Partit Nazzjonalista temm jisħaq li mhux ser jittollera dan l-istat ta’ impunità u qal li qed jikkunsidra l-azzjonijiet kollha possibbli kemm fuq livell legali kif ukoll fil-Parlament.

More in Politika