Il-programm ta' għoti ta' boosters se jibda minn nhar it-Tnejn wara żewġ clusters fi djar tal-anzjani

Id-dożi booster se jibdew jingħataw fid-djar tal-anzjani minn nhar it-Tnejn li ġej 6 ta' Settembru, ġimgħa qabel ma kien ippjanat...

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li l-programm tal-għoti tad-doża booster se jibda minn nhar it-Tnejn li ġej minflok mit-13 ta' Settembru, kif kien ippjanat u dan wara li nstabu żewġ clusters fi djar tal-anzjani, wieħed ta' disa' minn nies u cluster ieħor ta' ħamsa minn nies.

Huwa qal ukoll li dan il-booster se jibda jingħata wkoll lil nies li jkollhom immunità baxxa minħabba li - per eżempju  - ikollhom kanċer tad-demm, jew qed jieħdu kimpoterapija qawwija ħafna. Dawn se jibdew jirċievu l-inviti fid-djar tagħhom mill-ġimgħa d-dieħla. 

Fearne ħabbar ukoll li mill-ewwel ġimgħa ta' Ottubru d-doża booster se tibda tingħata wkoll lil dawk li għandhom aktar minn 70 sena. 

Huwa qal li din id-doża se tkun tat-tip Pfizer u Moderna, anke għal dawk li ħadu dożi differenti tal-vaċċin. 

Huwa fakkar illi Malta hija minn ta' quddiem nett fid-dinja f'termini ta' vaċċinazzjoni, hekk kif dawk li ħadu kemm l-ewwel kif ukoll it-tieni doża qabżu sew id-90%. 

More in Politika