Tkompli s-saga bejn Fenech u Azzopardi: Bl-avukati difensuri jgħidu li 'Fenech sofra fis-skiet'

L-Avukati ta' Yorgen Fenech bi tweġiba għall-allegazzjonijiet ta' Azzopardi li 'Fenech ried jeliminah'

L-Avukati ta’ Yorgen Fenech sostnew li "l-attakki kkoordinati mill-avukat tal-familja ta' Caruana Galizia, Jason Azzopardi, qed iwasslu biex isir ġuri fuq il-midja u ksur tad-drittijiet tal-bniedem ta’ Fenech."

F'kontroprotest ippreżentat illum, l-avukati difensuri jgħidu li huma kienu diġà ppreżentaw protest ġudizzjarju fl-24 ta’ Awwissu li fih talbu lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga lil Azzopardi u lill-blogger Manuel Delia peress li kienu qed jippubblikaw allegazzjonijiet li dgħajfu l-imparzjalità tal-Imħallef Giovanni Grixti.

Jason Azzopardi kien sostna li Fenech ried jeliminah u kien nieda “kampanja ta’ mibegħda” kontrih. Dan kien kategorikament miċħud mill-avukati ta' Fenech fil-kontro-protest billi qalu li dan kollu hu "mibni purament fuq allegazzjonijiet u li ċertament mhux il-verità."

Huma qalu wkoll li Azzopardi kien konxju li l-konverżazzjonijiet li kellu ma' Fenech kienu “ta’ natura purament politika” u ma kellhom xejn x’jaqsmu ma’ pjan jew tentattiv biex jiġi eliminat Azzopardi. Żiedu li l-intenzjoni ta' Azzopardi tibqa' li jqarraq bil-poplu Malti billi jagħti ħjiel ta’ tifsira differenti għaċ-chats ta’ WhatsApp ma' Fenech.

L-avukati rrimarkaw li Azzopardi kien "iddikjara li kien vittma ta' kampanja ta' mibegħda ... meta l-istess Azzopardi ilu kontinwament għal dawn l-aħħar sentejn, permezz tal-midja soċjali tiegħu, intervisti, seduti tal-qorti u f’sitwazzjonijiet soċjali ... isemmi isem Fenech u jagħmel allegazzjonijiet foloz, anke waqt li Fenech kien għadu preżunt innoċenti."

L-avukati difensuri sostnew li "Fenech sofra fis-skiet u rrispetta bis-sħiħ il-proċess ġudizzjarju pendenti fir-rigward tiegħu, filwaqt li l-kummenti ta’ Azzopardi kienu kontinwament jiksru d-drittijiet fundamentali għal smigħ ġust.”

“Għalkemm il-libertà tal-espressjoni hija dritt tal-bniedem, hemm bilanċ li jrid jiġi osservat b’mod skrupluż fejn is-soċjetà m’għandhiex tiġi influwenzata kif ġara f’dan il-każ fejn il-kummenti ta’ Jason Azzopardi kienu qed jagħmlu Fenech jiġi kkunsidrat bħala ħati qabel il-konklużjoni tal-proċess kriminali. "

Dan ikkostitwixxa ġuri mill-midja, qalu l-avukati, li sostnew illi jmur kontra dak li għandu jiġri f'soċjetà demokratika taħt is-saltna tad-dritt u fejn il-ħtija tal-akkużat għandha tiġi ddeterminata mill-Qorti li tisma' l-każ jew il-ġurati f'każijiet fejn l-akkużat jiġi pproċessat mill-ġurija. 

Il-protest ġudizzjarju jintemm b’ċaħda kategorika tal-allegazzjonijiet kollha magħmula minn Azzopardi u bit-twissija li Azzopardi jinżamm responsabbli għad-danni . L-avukati Gianluca Caruana Curran, Marion Camilleri u Charles Mercieca ffirmaw il-kontro-protest.

More in Politika