Il-prezzijiet tal-ikel jibqgħu telgħin filwaqt li tal-ħwejjeġ u żraben jorħsu matul Lulju

L-NSO bi statistika dwar l-inflazzjoni u l-prezzijiet f'Lulju li għadda...

Skont ċifri maħruġin mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika il-prezzijiet tal-ikel komplew telgħin matul Lulju li għadda, kemm meta mqabbel max-xahar ta' qabel u anke meta mqabbel ma' Lulju tal-2020. Fil-fatt l-indiċi tal-ikel u xorb mhux alkoħoliku kien ta' 115.10 f'Lulju, meta f'Ġunju kien 114.8. F'Lulju tas-sena l-oħra l-indiċi tal-prezzijiet ta' dawn il-prodotti kien ta' 111.8. 

Minn naħa l-oħra l-prezzijiet tal-ħwejjeġ u żraben niżlu meta mqabblin ma' Ġunju u ġew fl-istess livelli ta' Lulju tas-sena l-oħra. Hawnhekk l-indiċi kienu ta' 93.7 f'Lulju, meta f'Ġunju kienu 100.9 filwaqt li f'Lulju tas-sena l-oħta l-indiċi għal dawn il-prodotti kienu ta' 93.5.

Intant f'dak li jirrigwarda djar, kontijiet tad-dawl u ilma, gass u fjuwils kien hemm żieda fl-indiċi f'Lulju kemm meta mqabbel max-xahar ta' qabel u anke meta mqabbel ma' Lulju tas-sena l-oħra, kif kien hemm fil-prezzijiet tal-għamara u prodotti għad-djar, saħħa, trasport u ristoranti u lukandi.

Ir-rata ta' inflazzjoni matul Lulju 2021 kienet ta' 0.3%, żieda minn 0.2% f'Ġunju. 

 

More in Politika