Theuma jippreżenta l-kuntratt dwar il-kiri ta' proprjetà użata wara l-attentat tas-serqa tal-HSBC

Dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Vince Muscat (il-Koħħu) u Darren Debono (it-Topo) akkużati bl-attentat ta' serqa mill-kwartieri tal-HSBC

Dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra l-irġiel akkużati bl-attentat ta' serqa mill-kwartieri tal-HSBC fejn ġiet ippreżentata evidenza li allegatament torbothom ma' proprjetà li ntużat wara s-serqa.

Melvin Theuma, li kien ukoll l-intermedjarju fil-każ tal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, ippreżenta fil-Qorti l-kuntratt li juri kif proprjetà tiegħu ġiet mikrija lill-irġiel u insista li din intużat wara l-attentat tas-serqa.

Il-proċeduri tal-lum kienu kontra Vince Muscat (il-Koħħu) u Darren Debono (it-Topo.)

F'seduta x-xahar li għadda, Theuma xehed kif kien kera appartament fil-Mosta lil Debono għal xahar. Huwa kien qal li wara s-serqa li falliet, kien mar l-appartament u kien sab lil Debono, fuq is-sodda, bid-demm ħiereġ minn siequ għax kien intlaqat minn tir sparat mill-Pulizija.

Din is-serqa kellha tkun parti minn serje ta' serqiet oħra li saru f'dak il-perjodu, fosthom is-serqa ta' €1 miljun mill-fergħa tal-HSBC ta' Ħal Balzan u anke s-serqa mill-Casino di Venezia. 

Meta kien ġie arrestat, sentejn ilu u ngħata l-maħfra presidenzjali, waħda mill-kundizzjonijiet imposti fuq Theuma kienet li jikxef dak kollu li jaf dwar dan l-attentat. Bis-saħħa tal-maħfra presidenzjali, il-Pulizija wasslet għall-arrest ta' Yorgen Fenech, akkużat bħala l-mandant tal-assassinju ta' Caruana Galizia.

Vince Muscat kien ukoll akkużat bil-qtil ta' Caruana Galizia. Aktar kmieni din is-sena huwa wieġeb ħati u ngħata sentenza ta' 15-il sena ħabs wara li kien sar patteġġjament. Huwa ngħata wkoll il-maħfra presidenzjali biex jikxef dak kollu li jaf dwar il-qtil tal-Avukat Carmel Chircop li seħħ f'Ottubru tal-2015.

More in Politika