Min iqisu ħabib u min spiċċa f’butu … il-politiċi u r-rabtiet tagħhom ma’ Fenech

Kull ġimgħa nisimgħu b’xi aħbar ġdida dwar xi rabta jew xi ħbiberija bejn xi politiku u Yorgen Fenech, daqqa minn xi xhieda u daqqa minn xi Whatsapp chat li tispiċċa għand il-midja. Imma x’inhuma eżatt dawn ir-rabtiet? Min kienu l-politiċi li spiċċaw fl-inkwiet minħabba Fenech? L-ILLUM tagħti ħarsa lura lejn dak żvelat

Yorgen Fenech. Kien hawn min kien jaf min hu (milli jidher b’mod partikolari nies fil-politika) iżda oħrajn ftit li xejn kienu semgħu dwaru. Madanakollu, minn sentejn ilu ‘l hawn sar wieħed mill-aktar persuni popolari f’Malta, anke jekk għar-raġunijiet il-ħżiena. 

Fenech huwa akkużat bħala l-mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia iżda apparti hekk huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black, il-kumpanija li kellha tgħaddi flus lill-kumpaniji fil-Panama tal-eks Ministru Konrad Mizzi u tal-eks Chief of Staff Keith Schembri.

Inċidentalment, huwa wkoll parti mill-konsorzju GEM Holdings, liema konsorzju huwa sid ta’ 33% tal-ishma fl-Electrogas, il-kumpanija li tmexxi l-powerstation ta’ Delimara, il-proposta ewlenija li kellu l-Partit Laburista fl-2013, meta għamel rebħa elettorali storika.

Fl-aħħar xhur, kemm ilu arrestat, ma waqafnix nisimgħu dwaru u kemm kien viċin persuni fil-poter, mhux biss fil-Gvern, iżda saħansitra viċin uffiċjali tal-Pulizija li kienu responsabbli mill-investigazzjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. 

Anke jekk għadu ma nstabx ħati, isem Yorgen Fenech niżel fil-baxx u mhux talli niżel hu talli niżżel miegħu lil dawk li għax rawh mimli miljuni, ma tantx qagħdu lura milli jilgħaquh. F’dan l-artiklu, il-gazzetta ILLUM se tkun qed tagħti ħarsa lejn dawn ir-rabtiet bejn persuni prominenti u fil-poter, ir-rigali li qalgħu mingħandu, il-familjarità bejniethom u kif irnexxielu jdaħħal uħud minnhom f’butu sakemm spiċċaw għerqu miegħu.

‘Ix-xiħ’ li qala’ l-Petrus u l-Bvlgari

Ma nistgħux ma nibdewx bl-eks Prim Ministru Joseph Muscat li kien sfurzat jirriżenja ftit ġimgħat biss wara l-arrest ta’ Yorgen Fenech. Madanakollu, ħafna affarijiet dwar il-ħbiberija u l-familjarità bejn Fenech u Muscat sirna nafuhom biss wara li dan tal-aħħar irriżenja.

Tul il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, bis-saħħa tar-recordings li żamm Melvin Theuma (l-intermedjarju fl-assassinju ta’ Caruana Galizia) sirna nafu li Yorgen Fenech kien jirreferi għal Joseph Muscat bħala ‘x-xiħ.’ Jekk xejn, dan jikxef familjarità bejn it-tnejn u jekk wieħed xorta waħda jkollu dubju, xi ngħidu għal Whatsapp chat bejn Fenech, Yorgen Fenech u Joseph Muscat?

“KonnhA qisna aħwa,” kien qal Fenech lill-Pulizija meta mistoqsi dwar dan il-grupp.

Tant kemm kien hemm familjarità bejn it-tnejn, li anke jekk kien jaf li qed ikun investigat dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Joseph Muscat kien kostrett (almenu kif jgħid hu) li jistieden lil Fenech għal festin ta’ għeluq sninu fil-palazz tal-Girgenti, biex ma jagħtix fil-għajn.

Dakinhar, Yorgen Fenech kien għadda tlett ifliexken inbid Petrus (inbid li jiswa ħafna) lill-familja Muscat. Mhux talli hekk talli wieħed minnhom kien tal-1974, is-sena li fiha twieled l-eks Prim Ministru u t-tnejn l-oħra tal-2007, meta twieldu t-tewmin ta’ Muscat.

Dan ma kienx l-uniku rigal. Fil-Milied tal-2014, Yorgen Fenech ħaseb ukoll f’Muscat u tah arloġġ, tad-ditta Bvlgari, magħmul mid-deheb abjad. Dan kien wieħed minn 25 arloġġ li kienu ġew iddisinjati biex ifakkru d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Kumbinazzjoni (jew le?), l-arloġġ kien tal-kollezzjoni #17, in-numru tant marbut ma’ Yorgen Fenech.

Dan kollu x’wassal? Joseph Muscat niżel ma’ Yorgen Fenech u ħadem kemm ħadem meta kien Prim Ministru, meta tħares lura, ħlief f’dawn il-każi ma tiftakarx. Dnub għax il-legat seta’ kien ħafna isbaħ. 

‘Nidħol fin-nar għal Yorgen’

Jekk nafu biċ-ċert li Joseph Muscat ħa rigali mingħand Yorgen Fenech, ma nistgħux ngħidu l-istess għal Keith Schembri għalkemm nafu wkoll li l-kumpanija li hu fetaħ fil-Panama kellha tirċievi flus mingħand il-kumpanija 17 Black ta’ Yorgen Fenech u kien l-istess Schembri li ammetta li xtaq jagħmel negozju ma’ Fenech wara li ma jibqax fil-politika.

L-istess Yorgen Fenech kien ħallas parti mill-ispejjeż li sab ma’ wiċċu Keith Schembri meta kellu jirċievi kura f’Mayo Clinic f’Minnesota. Fil-fatt, kienet il-gazzetta oħt MaltaToday li żvelat li Fenech kien ħareġ madwar €24,000.

Li kien hemm ħbiberija kbira bejn it-tnejn ammettiha wkoll Keith Schembri meta kien qed jixhed fil-Qorti u qal ċar u tond li hu “lest jidħol fin-nar” għal Yorgen Fenech. Ta’ min ifakkar li minkejja din il-ħbiberija, Keith Schembri kien jaf ukoll x’inhu għaddej fl-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u li Fenech kien suspettat, għax kien jattendi għal-laqgħat mal-Prim Ministru.

Skont Schembri qatt ma qal xejn lil ħadd dwar dan. L-opinjoni ta’ Melvin Theuma, almenu skont dak li kien qed jgħidlu Yorgen Fenech, hija xort’oħra.

Ta’ min ifakkar ukoll li Keith Schembri x’aktarx li kien l-aħħar persuna li kellem Yorgen Fenech qabel ma pprova jħalli Malta abbord il-jott tiegħu, meta ġie arrestat. Fil-fatt, Keith Schembri kkonferma li kien ċempel lil Yorgen Fenech u dam ikellmu 24 minuta, jipprova jikkonvinċih biex ma jitlaqx minn Malta, għax inkella kien se jkompli jitfa’ l-attenzjoni fuqu.

Biex tkompli tgħaxxaqha, skont Schembri, kien Joseph Muscat li qallu biex iċempel lil Fenech u jikkonvinċih. Kif kien jaf Joseph Muscat li Fenech kien se jħalli Malta għadu misteru, anke jekk dan jikxef ukoll il-fatt li Joseph Muscat kien jaf li hemm ħbiberija u kunfidenza bejn l-id il-leminija tiegħu u (dak iż-żmien) is-suspettat.

Impossibbli nidħlu fid-dettall tal-ħbiberija bejn Keith Schembru u Yorgen Fenech għax inkella jkollna bżonn gazzetta sħiħa. Li hu żgur huwa li Keith Schembri ħa l-akbar tisbita.

Konrad Mizzi u l-Panama

Ma nafux dwar relazzjoni bejn Konrad Mizzi u Yorgen Fenech. Nafu biss li l-kumpanija tiegħu fil-Panama kellha tirċievi flus mingħand il-kumpanija 17 Black ta’ Fenech.

Mizzi kellu l-kumpanija Hearnville fil-Panama, imwaqqfa mal-kumpanija Tillgate ta’ Keith Schembri.

Kif spjegat, il-kumpanija 17 Black kienet deskritta bħala ‘target client’ ta’ dawn il-kumpaniji, jiġifieri kellhom jirċievu flus mingħandha. Jekk daħlux flus fihom qatt ma sar magħruf xejn, iżda f’17 Black daħlu.

Fil-fatt, kien sar magħruf li, fost oħrajn, daħlu $200,000 mingħand l-aġent lokali tat-tanker tal-LNG, parti essenzjali mill-proġett tal-powerstation ta’ Delimara li welled Konrad Mizzi. 

Apparti minn hekk, kien ġie żvelat ukoll li f’17 Black daħlu €4.6 miljuni fi qligħ mill-proġett tal-Wind Farm fil-Montenegro. Kienet il-kumpanija Cifidex li biegħet l-ishma tal-wind farm bi prezz ta' €10.3 miljuni lill-Enemalta u li allegatament xtrat ġimagħtejn qabel biss minn Fersa Renovables - Konsorzju Spanjol  - għal €2.9 miljun, differenza ta' €7.4 miljuni.  Skont investigazzjoni li saret minn Reuters u The Times of Malta, €3 miljuni kienu trasferiti minn 17 Black għal għand Cidifex. Dan ifisser li l-flus ta' Cidifex  biex tixtri l-Wind Farm kienu ġejjin mingħand Yorgen Fenech. Ftit wara li l-Enemalta xtrat il-wind farm mingħand Cifidex, din tal-aħħar għaddiet €7.4 miljuni lill-kumpanija 17 Black, jiġifieri t-€3 miljuni li kienu għaddew qabel u profitt ta’ madwar €4.6 miljun.

Konrad Mizzi wkoll kien il-moħħ wara dan il-ftehim anke jekk ċaħad li xi darba kien hemm abbużi. 

Dawn l-allegazzjonijiet swew lil Mizzi postu bħala Deputat Laburista bl-Eżekuttiv tal-partit, kważi unanimament, ikeċċih. 

‘No Valletta, No Party’

Jekk dettalji mill-ħbiberija ta’ bejn Yorgen Fenech, Keith Schembri u Joseph Muscat ixxukjaw lil bosta, mela xi jmisshom jagħmlu d-dettalji dwar il-ħbiberija bejn Yorgen Fenech u l-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta. 

L-ewwel u qabel kollox ta’ min ifakkar li Silvio Valletta kien l-ewwel persuna responsabbli mill-investigazzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, jiġifieri fil-mumenti l-aktar kruċjali. Huwa kien tneħħa biss wara reżistenza mill-familja Caruana Galizia, anke għax Valletta kien ir-raġel tal-Ministru Justyne Caruana u t-tnejn li huma kienu fil-mira ta’ kritika minn Caruana Galizia.

Fil-fatt, dan il-każ kien spiċċa quddiem il-Qorti Kostituzzjonali li ddikjarat li l-involviment ta’ Valletta fl-investigazzjoni kien qed jikser id-drittijiet fundamentali tal-familja, anke għax seta’ kien hemm kunflitt ta’ interess. Sa dan iż-żmien ma kienx magħruf li Valletta kien ħabib kbir ta’ Yorgen Fenech anke għax Fenech ma kienx għadu suspettat.

Kien aktar tard meta sar magħruf li Silvio Valletta, fid-29 ta’ Settembru 2018 kien siefer ma’ Yorgen Fenech biex jaraw logħba futbol. Fenech kien ilu suspettat minn Mejju 2018.

Kien ġie żvelat li l-Pulizija kellha f’idha wkoll filmat mill-mowbajl ta’ Valletta u li fih l-eks Assistent Kummissarju jidher ma’ Fenech fir-rolls royce tiegħu. 

Valletta kien ammeta dan kollu iżda kien qal li ma kellux idea li Yorgen Fenech kien suspettat għax hu ma baqax parti mill-investigazzjoni minn Ġunju 2018. Ta’ min ifakkar li Valletta kien ukoll membru tal-bord tal-FIAU, l-istess entità li kienet qed tinvestiga r-rabtiet bejn il-kumpanija 17 Black, li tagħha Fenech huwa s-sid u l-kumpanija fil-Panama li kien fetaħ Keith Schembri.

Apparti dan kollu, fis-27 ta’ Lulju li għadda, sar magħruf li l-eks Assistent Kummissarju wkoll kellu Whatsapp chat ma’ Fenech u din kien jisimha ‘No Valletta, No Party.” Dan żvelah Matthew Caruana Galizia.

Wara dan kollu, Valletta spiċċa investigat mill-Pulizija u mhux talli hekk, talli anke Justyne Caruana, dakinhar Ministru għal Għawdex kellha tirriżenja.

Is-senserija, is-sondaġġi u rigal tal-Birthday għal Rosianne Cutajar

Deputata li spiċċat niżlet ma’ Yorgen Fenech hija Rosianne Cutajar li kellha tirriżenja minn Segretarju Parlamentari. Dan wara rapporti u investigazzjoni fuq dak li kienet żvelat il-MaltaToday f’Diċembru 2020, jiġifieri li l-istess Cutajar u l-ħabib tagħha Charles Farrugia rċevew senserija minn fuq ftehim li Yorgen Fenech kien għamel ma’ sid ta’ proprjetà li kien beħsiebu jixtru fl-Imdina qabel ġie arrestat.

Cutajar ċaħdet li rċeviet senserija u li dan id-dħul ma ddikjaratux fid-dikjrazzjoni tal-assi. Hi kienet qalet li €9,000 li rċeviet mingħand Yorgen Fenech kienu rigal ta’ għeluq snina. Is-sid tal-proprjetà qed jisħaq li Cutajar ħadet €46,500  f’sesnerija u qed ifittixha għax iridhom lura.

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler, ma kienx emminha u saħaq li kisret il-kodiċi tal-etika meta ma ddikjaratx dan id-dħul. 

Apparti minn hekk, kien sar magħruf ukoll li hemm messaġġi fuq Whatsapp bejn Cutajar u Fenech, fejn l-eks Segretarju Parlamentari titolbu l-għajnuna finanzjarja biex tagħmel sondaġġ politiku fuq id-distrett tagħha. Fenech kien aċċetta t-talba tagħha u allegatament qalilha: “Jiena se nkun dejjem hemm għalik.” 

Ftit jiem wara, Rosianne Cutajar kienet qamet titkellem waqt laqgħa tal-Kunsill Ewropew u kkritikat referenza għal 17 Black u każi oħra ta’ korruzzjoni f’rapport miktub mid-Deputat Olandiż Pieter Omtzigt dwar l-assassinju ta’ Caruana Galizia.

‘Nimmisjak ħafna’ u l-famuż ‘Ġaħan’

L-aħħar persuna li sirna nafu li kien viċin Yorgen Fenech u x’aktarx ħabib kbir tiegħu, huwa l-Ministru għall-Ġustrizzja Edward Zammit Lewis. 

Fil-fatt, fl-aħħar jiem u ġimgħat ġew żvelati chats li Zammit Lewis kellu ma’ Yorgen Fenech u dan wara li kien sar magħruf li hu s-sid tal-kumpanija 17 Black. Fil-fatt, Zammit Lewis kien tkellem ma’ Yorgen Fenech wara li kien indirizza konferenza tal-aħbarijiet ma’ Robert Abela (dak iż-żmien Deputat) ftit ħin wara li f’Jannar 2019, il-Qorti ma kinitx laqgħet talba tal-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li kien qed jitlob inkjesta oħra fuq il-kumpanija 17 Black u l-iskandlu tal-Panama.

Saħansitra f’waħda mill-konverżazzjonjiet, il-Ministru Zammit Lewis jiddeskrivi lill-votanti Laburisti bħala ‘Gaħan.”

Aktar tard, rapporti ġodda żvelaw kif il-Ministru kien jibgħat diversi messaġġi lil Fenech, anke jekk dan tal-aħħar mhux dejjem kien jirrispondih. Darba minnhom saħansitra jgħidlu li qed jimmisjah ħafna. Dan kien Awwissu 2019, jiġifieri kien sar magħruf li Fenech huwa s-sid ta’ 17 Black. “Tkellem miegħi għax qed ninKwieta … għidli u nkun hemm … inti kont f’qalbi f’dan kollu,” Zammit Lewis allegatament kiteb lil Fenech.

Drabi oħra, Zammit Lewis saħansitra jistaqsi lil Fenech biex jiltaqgħu fil-famuża farmhouse ta’ Ħaż-Żebbuġ. F’chat minnhom, Zammit Lewis jistaqsih jekk jistgħux jiltaqgħu Ħaż-Żebbuġ u jkun hemm preżenti wkoll Keith Schembri.

Edward Zammit Lewis stess, meta kien qed jixhed fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne, kien qal ukoll li ġieli kiel u saħansitra mar fuq il-jott ta’ Yorgen Fenech.

Minkejja dan kollu u diversi talbiet, Zammit Lewis għadu Ministru għall-Ġustizzja. F’intervista mal-ILLUM, Zammit Lewis qal li l-messaġġi li bagħat hu dejjem kienu fi spirtu ġenwin (Bona fede), sostna li hu qatt ma qagħad jiddiskuti 17 Black u li meta kellem lil Yorgen Fenech 17 Black "kienet għadha allegazzjoni." 

Delia, Pierre Portelli u l-flus kontra Casa

Spiċċa niżel ukoll ma’ Yorgen Fenech anke l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia anke jekk hu dejjem ċaħad li kien ħabib ta’ Fenech jew inkella li rċieva xi flus mingħandu.

Madanakollu, f’xhieda ġuramentata, l-eks Chief of Staff kien qal fil-Qorti li Pierre Portelli, li kien l-id il-leminija ta’ Delia, kien imur jiġbor flus li allegatament Fenech kien għadda lil Delia biex fost oħrajn jintużaw kontra l-elezzjoni ta’ David Casa bħala membru tal-Parlament Ewropew. Keith Schembri kien qal hekk fil-Qorti:  “Fenech qalli li politiċi kienu jmorru għandu, jieklu miegħu, jitilqu fis-sakra u wara jitolbuh il-flus … Il-Kap tal-Oppożizzjoni darba mar u talbu €50,000 biex jintużaw kontra l-elezzjoni ta' Casa. Kien jibgħat lil Pierre Portelli biex jiġbor €20,000 kull xahar. Dan seħħ fuq bażi regolari. Ġieli stennew għal siegħa biex jieħdu l-flus," kien qal Schembri. Insista wkoll li Pierre Portelli kien deher fir-reception ta' Portomaso qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2019,

Portelli kien ċaħad din l-akkuża kif ċaħad Delia u t-tnejn kienu għamlu affidavit jgħidu li dak li qal Schembri ma kienx minnu. Madanakollu, din l-allegazzjoni ma għamilix Schembri biss. Kien id-Deputat Nazzjonalista David Thake l-ewwel li semma dawn il-flus f'mistoqsija lil Delia fuq Xarabank, filwaqt li Melvin Theuma għamel referenza għalihom ukoll fix-xhieda tiegħu waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza. Dwan dan għaddejja inkjesta maġisterjali.

L-eks Kap Nazzjonalista kien akkużat ukoll li kellu chats ma' Fenech u fil-fatt dan kien ikkonfermat mill-Ispettur Keith Arnaud fil-Qorti. Il-gazzetta The Sunday Times kienet żvelat ukoll kif darba Fenech kien talab lil Delia biex jirranġa ikla bejniethom bil-gazzetta tirrapporta kif Delia allegatament qallu li Pierre Portelli se jirranġa kollox. Din il-ġimgħa ġie allegat ukoll li Yorgen Fenech kien qal li Adrian Delia bagħtlu messaġġ waqt dibattitu fuq 17 Black, allegazzjoni li Delia ċaħad “kategorikament.”

Dan apparti chats oħra li allegatament kien hemm bejn Portelli u Fenech biex tinħareġ informazzjoni fuq persuni rivali fil-partit.

F’intervista mal-gazzetta ILLUM ftit jiem biss qabel l-elezzjoni għall-Kap tal-PN li tilef bi kbir, apparti li ċaħad li kien ħabib ta’ Fenech, Delia kien qal hekk: “Ma nxtrajtx, ma ħadtx flus, ma ħallasni ħadd biex ngħid xi ħaġa. Qatt ma kont irrikattat.” 

Jiltaqgħu ma’ Fenech għal sala

Mhux Deputati tal-Gvern biss kienu jiġru wara Yorgen Fenech. Fil-fatt kien żvelat ukoll li żewġ Deputati li kienu viċin ħafna l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, jiġifieri Hermann Schiavone u Kristy Debono, kellhom laqgħa ma’ Yorgen Fenech biex jitolbuh “sponsorship” għal konferenza li kien se jorganizza l-Partit Nazzjonalista.

Huma marru jitolbu dan il-pjaċir, wara li sar magħruf li Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black.

Iż-żewġ Deputati kienu kkonfermaw din il-laqgħa, iżda Adrian Delia, dak iż-żmien Kap Nazzjonalista kien qal li ma kienx konxju.

More in Politika