'Nippretendu li l-Istat Malti jirrikonoxxi li Daphne kienet eroj' - Repubblika

L-organizzazzjoni Repubblika tfakkar li mitejn ġimgħa ilu ġiet assassinata Daphne Caruana Galizia u tistieden lill-pubbliku għall-velja li se ssir illejla

L-organizzazzjoni Repubblika qed tfakkar l-anniversarju ta' kull xahar tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija, Repubblika saħqet li sal-lum għadu ħadd ma tressaq il-Qorti fuq korruzzjoni u li, fi kliem l-attivisti, wasslet għal dan l-assassinju.

"Lanqas ma tressaq ħadd il-Qorti minn fost l-uffiċjali  tal-Pulizija u persuni oħra f’awtorità li ostakolaw il-ġustizzja fir-rigward ta’ dan l-assassinju. Dawn il-persuni, minflok żguraw li sseħħ ġustizzja, tradew lill-poplu, daħlu kompliċi mal-kriminali u servew l-interessi tal-qarnita mafjuża li ħakmet lil pajjiżna," insistew l-attivisti.

Kien hawn li appellaw lill-awtoritjiet, b’mod partikolari lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-Avukat Ġenerali, biex "jtemmu l-impunità" li ħolqot il- klima li waslet għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u li għadha teżisti sallum.

"Nippretendu li l-Istat Malti jieħu passi konkreti fuq ir-rapport tal- Inkjesta Pubblika dwar dan l-assassinju. Neżiġu li l-Istat Malti formalment jirrikonoxxi dak li qalet l-Inkjesta Pubblika: li Daphne Caruana Galizia hi Eroj," kompliet l-istqarrija.

Propju għalhekk li l-organizzazzjoni qed tħeġġeġ lill-pubbliku biex illejla jingħaqad fil-velja li se ssir fis-7:00pm fi Pjazza l-Assedju l-Kbir, fil-Belt Valletta fejn se tkun qed tiġi mġedda t-talba għall-ġustizzja u governanza tajba.

Appellaw lil dawk li se jattendi hu mitlub jilbes maskra u josservaw od-distanza soċjali.

More in Politika