'Is-settur tal-bini għandu jitrażżan u kull permess ikun marbut ma' enerġija rinovabbli' - ADPD

Carmel Cacopardo u Ralph Cassar ifakkru fl-effetti kbar u gravi tal-bidla fil-klima fuq Malta - speċjalment fuq lokalitajiet kostali

Waqt konferenza max-xatt tal-Kalkara, ADPD – The Green Party sejjaħ għal bidla mill-qiegħ fis-sistema ekonomika u biex Malta tkun fuq quddiem fil-ġlieda urġenti kontra l-bidla fil-klima fid-dawl tar-rapport IPCC tan-Nazzjonijiet Uniti, ippreparat minn eluf ta’ xjenzati minn madwar id-dinja, li ddikjara kodiċi aħmar għall-umanità. 

Iċ-Chairperson tal-ADPD Carme Cacopardo sostna illi għandna nimxu għal Malta li m’għandhiex dil-attività ta' bini intensiv "li issa ilna għaddejjin biha."

"Is-settur tal-bini għandu jitrażżan minnufih u kull permess ta’ żvilupp għandu jkun marbut li fl-istess bini tkun iġġenerata enerġija rinovabbli. Fil-każ ta’ kull xorta ta’ bini ġdid għandna nimxu lejn obbligu ta’ bini li jkun carbon-neutral, jiġfieri li minnu stess tkun iġġenerata enerġija daqs kemm tkun ikkunsmata." Cacopardo sostna li hemm bżonn li nimxu lejn aktar effiċjenza fl-użu tal-elettriku u lejn sorsi nodfa ta’ enerġija mix-xemx, mir-riħ u mill-mewġ malajr.

"L-urġenza għal azzjoni hi dettata mill-fatt li Malta nnifisha hi fi stat ta’ vulnerabiltà kbira," qal is-Segretarju Ġenerali ta’ ADPD Ralph Cassar li tratta r-riskji li qed tiffaċċja Malta, u qal li hemm bżonn li min qed jimmina azzjoni konkreta dwar il-klima, kemm f’Malta kif ukoll fl-UE jieqaf ifixkel l-mixja urġenti lejn ekonomija u dinja żero-karbonju.

“Malta hija pajjiż vulnerabbli minħabba l-fatt li hi gżira bi żvilupp intensiv madwar partijiet kbar mill-kosta. Il-persuni l-aktar vulnerabbli, mit-tfal sal-anzjani huma dawk li qegħdin ibatu l-aktar minħabba l-bidla fil-klima. Qed ikollna u se jkollna iktar perjodi twal ta' sħana intensiva, li jiggravaw aktar ma jgħaddu is-snin. Riskju ikbar ta' nixfa, u fl-istess ħin il-ftit xita li tagħmel tiġi b'saħħa qawwija li żżid ir-riskju ta' għargħar," fakkar Cassar.

"Il-livell tal-baħar jista’ jogħla anke żewġ metri u iżjed sas-sena 2100 skont kemm se togħla t-temperatura minħabba l-emissjonijiet serra. Dan kollu jeffettwa l-użu tal-infrastruttura marittima fil- portijiet tagħna kif ukoll il-lokalitajiet żviluppati mal-kosta, kollha b’konnessjoni turistika

Hu kompla jisħaq li bħala pajjiż se jkollna aktar nirien qawwija fil-ftit żoni msaġġra li għandna li jħalli effett kbir fuq il-fawna u flora ta' Malta, li mhux se jkunu jistgħu jaddattaw faċilment għal temperaturi aktar għoljin.

Huwa qal ukoll li dawn il-bidliet se jfissru l-qerda ta' bajjiet, speċjalment dawk ramlin, aktar ma jogħla l-livell tal-baħar minħabba li qed jinħall is-silġ madwar id-dinja. "Il-livell tal-baħar jista’ jogħla anke żewġ metri u iżjed sas-sena 2100 skont kemm se togħla t-temperatura minħabba l-emissjonijiet serra. Dan kollu jeffettwa l-użu tal-infrastruttura marittima fil- portijiet tagħna kif ukoll il-lokalitajiet żviluppati mal-kosta, kollha b’konnessjoni turistika."

Spjega kif l-effett ieħor huma problemi u qerda ta' infrastruttura li ma tiflaħx is-sħana intensiva, fosthom infrastruttura tal-enerġija elettrika. L-ilma tal-pjan se jkompli jsir aktar mielaħ hekk kif jogħla l-livell tal-baħar. 

"Se naraw prezzijiet aktar għoljin tal-ikel, hekk kif is-sigurtà tal-ikel kemm Malta kif ukoll barra tiġi affetwata ħafna mit-tibdil fil-klima. Ir-riskji ta’ kunflitti, anke fil-Mediterran se jiżdiedu hekk kif pajjiżi ma jkunux jistgħu ikampaw mat-tibdil fil-klima," bassar il-kelliem tal-ADPD

Intant Cacopardo qal li l-partit ilu żmien jagħmel proposti konkreti fuq il-bidla fil-klima u jwissi dwar il-bżonn li tittieħed azzjoni immedjata. Huwa sostna li hemm bżonn li nibdlu s-sistemi tat-trasport għal waħda sostenibbli, "minflok traffiku, karozzi u tniġġis kullimkien." Huwa qal li hemm bżonn sistema ta’ Bus Rapid Transit - jiġifieri karreġġjati li bħalissa jużawhom il-karozzi ikunu riservati biss għal tal-linja – 24 siegħa kuljum u bla ħlas.

"Hemm bżonn nagħtu t-toroq lura lin-nies, toroq mimlija siġar, mimlija roti, scooters u nies, mhux mimlja vetturi.”

L-ADPD qed issostni wkoll li issa huwa l-aħjar żmien li t-turiżmu jiġi ristrutturat u ma jibqax jiffoka fuq masses "mhux sostenibbli".

Il-konferenza tal-ADPD
Il-konferenza tal-ADPD

“Ma nistgħux nippretendu li pajjiżna jittieħed bis-serjetà u nistennew li ħaddieħor jieħu azzjoni meta l-Gvern Malti, wieħed wara l-ieħor, dejjem ra kif jipprova jiżgiċċa mill-obbligi tagħna – mill-Gvern Nazzjonalista li ra kif innegozja tnaqqis fl-obbligu ta’ Malta għal enerġija nadifa minn 20% għal 10% sal-2020, għal dal-Gvern li qed jipprova jnaqqas l-obbligu ta’ Malta għat-tnaqqis fl-emmissjonijiet minn 36% għal 19% sal-2030. Dawn il-manuvri ta’ Malta juri kemm gvern wara ieħor qatt ma ħa l-bidla fil-klima bis-serjetà," temm jgħid Cacopardo

More in Politika