'Okkażjoni unika li ntilfet' - L-Ispeaker jirreaġixxi għall-bojkott tal-preduċessuri tiegħu

L-Ispeaker Anġlu Farrugia kostrett iħassar is-simpożju li kellu jfakkar l-ewwel ċentinarju tal-Parlament Malti

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia ħababr li s-simpożju li kellu jfakkar l-ewwel ċentinarju tal-Parlament Malti kellu jitħassar u dan wara li erba' eks speakers infurmawh li ma kinux se jattendu.

Alfred Bonnici, Lawrence Gonzi, Anton Tabone u Louis Galea kitbu lill-Ispeaker u infurmawh li fid-dawl taċ-ċirkostanzi preżenti ma jaħsbux li huwa f'waqtu li l-Parlament jiddedika ħinu għal attivitajiet ċerimonjali, meta l-pajjiż qed jiffaċċja kwistjonijiet aktar importanti u urġenti.

Farrugia insista li din kienet "okkażjoni unika li ntilfet." Fakkar li dawn il-persuni distinti kienu se jiġu mistiedna biex jitkellmu kemm dwar l-esperjenza tagħhom matul il-perjodu li ppresedew il-Kamra, kif ukoll biex jagħtu l-veduti tagħhom dwar kif il-Parlament jista’ jimxi ‘l quddiem billi jindirizza aħjar l-aspettattivi tal-soċjetà tal-lum.  

"Biex il-messaġġ ta’ dawn il-persuni mimlija esperjenza jkun jista’ jasal għand il-pubbliku, kienu diġà saru l-arranġamenti kollha biex dan is-simpożju jixxandar b’mod dirett fuq TVM u l-istazzjon televiżiv tal-Parlament, u biex ikun aċċessibbli wkoll minn fuq is-sit uffiċjali tal-Parlament. Barra minn hekk, il-ħsieb kien li dak li jingħad jiġi traskritt u jinħareġ f’pubblikazzjoni għall-okkażjoni," saħaq Farrugia.

Temm jisħaq li hija "ħasra li filwaqt li din l-attività kienet se tittella’ biex tfakkar il-mitt sena mill-kisba tal-Kostituzzjoni Amery Milner u t-twaqqif tal-Parlament ta’ Malta meta l-forzi kollha ta’ dak iż-żmien ingħaqdu għal għan wieħed, f’din l-okkażjoni unika li kien ser joffri s-simpożju, twarrbet l-għaqda tant meħtiega."

More in Politika