Inkjesta Daphne: 'Id-deċiżjoni ta' Muscat li jżomm u jiddefendi lil Keith u Konrad saħħet il-kultura ta' impunità'

It-tliet Imħallfin iqattgħu fil-politika pro-business ta' Muscat u jgħidu li l-intriċċi u l-kunfidenza żejda bejn negozji kbar u nies bħal Keith Schembri waslu għad-demonizzazzjoni ta' Daphne u biex ħafna proġetti spiċċaw 'ivvizzjati'

Joseph Muscat
Joseph Muscat

Ir-rapport tal-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia huwa pjuttost skjaċċanti fil-konfront ta' "qarnita ta' impunità" li jgħid illi kellha ċ-ċentru tagħha fi qrubija u ħbiberija żejda bejn il-poter u n-negozju, liema qawwiet ġew flimkien biex jinnewtralizzaw lil Daphne Caruana Galizia, jgħid mill-ġdid ir-rapport. 

Ir-rapport jikkonkludi li l-Istat għandu ħtija għaliex ħalla kultura ta' impunità u kollass tas-saltna tad-dritt li għamluha aktar faċli biex tinqatel il-ġurnalista u biex - skont ir-rapport - min iwettaq ir-reat iħossu sikur. 

L-Imħallfin kienu skjaċċanti fil-kritika tagħhom dwar il-politika 'pro business' għax qalu li din tajba sakemm ma ssirx għas-skapitù ta' governanza tajba.  Il-Bord jispjega li kellu "provi abbundanti" dwar dawk li jsejjaħ "intriċċi u kunfidenza żejda" bejn uffiċjali pubbliċi u negozjanti kbar u sostna li din il-qrubija kienet fattur determinanti biex il-parti l-kbira tal-proġetti l-kbar realizzati fil-perjodu rilevanti "jispiċċaw taħt il-lenti tal-Awditur Ġenerali u Inkjesti Magisterjali, fost oħrajn. Investigazzjonijiet li jikkonfermaw li kien hemm irregolaritajiet kbar sal-punt li ġiet prospettata l-possibilita’ li f’uħud minnhom il-proċess kollu seta’ kien vizzjat."

Il-Bord ta' Inkjesta magħmul mill-Imħallef Emeriti Michael Mallia, flimkien mal-eks Prim Imħallef Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro - sostna li bosta drabi l-proċeduri ta' proġetti kienu għal fuq il-karta biss u sabiex min ikun involut jasal għall-iskopjijiet tiegħu. 

"Ir-realta’ hi illi parti minn negozju l-kbir, mhux sorprendentement, ħataf l-okkażżjoni biex ikun jista’ jopera u jwettaq il-proġetti tiegħu bl-inqas xkiel amministrattiv u b’manipulazzjoni ta’ uffiċjali pubbliċi fl-ogħla gradi li magħhom ħolqu rabtiet ta’ interess komuni," sostna il-Bord fil-konkużjonijiet tiegħu. 

Jisħaq illi l-poter u n-negozju ħolqu żewġ forzi li riedu kemm setgħu jinnewtralizzaw lil ġurnalista li kienet qed tikxef din l-istess relazzjoni, sabiex b'hekk "jiġi nnewtraliżżat l-aspett negattiv li l-kitba tagħha kien qed ikollha fuq il-politika dikjarata tal-Gvern (pro-business) kif ukoll biex ma jiġux ippreġudikati l-pjanijiet li issa jirriżulta li kien hemm, li xi nies jistgħanew bis-saħħa tal-konnessjonijiet li kellhom mal-amministrazzjoni pubblika."

Keith Schembri
Keith Schembri

L-imħallfin jisħqu li dawn l-attentati laħqu l-qofol tagħhom bl-iżvelar tal-Panama Papers u 17 Black - kumpanija fid-Dubaj marbuta ma' dawk ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi fil-Panama u li kienet ta' Yorgen Fenech - akkużat li huwa l-moħħ wara l-assassinju tal-ġurnalista. 

Huma għalhekk jitfgħu l-ħtija ta' dan l-assassinju direttament fuq ħoġor dawn l-interessi kummerċjali mwaħħdin mal-politiċi jew inkella persuni pubbliċi: "Daphne Caruana Galizia kellha l-isfortuna li ħaditha kontra l-poter politiku u dak ekonomiku fl-istess waqt. Il-Bord jenfasiżża illi l-provi huma kollha fid-direzzjoni illi l-omiċidju kien jinvolvi grupp żgħir ta’ nies li ppjanaw u esegwewh għall-interessi proprji tagħhom u minn mandanti li kienu jqisuha theddida għall-pjanijiet anke futuri tagħhom."

Fil-fatt importanti niftakru li Daphne Caruana Galizia kienet għadha qed taħdem fuq l-istorja ta' 17 Black u r-rabta li din kellha mal-kumpaniji fil-Panama ta' Schembri u Mizzi, meta inqatlet. Dawn il-fatti u anke ammonti ta' flus li kienu f'17 Black (ikkonfermati mill-awtoritajiet tad-Dubaj) - ħarġu wara mewtha permezz tal-investigazzjoni mid-Daphne Project, li kien jinkludi lil Reuters u lil The Times f'Malta. 

Ir-rapport jgħid li mal-istejjer dwar il-Panama ssaħħet il-kampanja ta' "demonizzazzjoni" kontra l-ġurnalista assassinata.

L-eks PM Joseph Muscat u l-eks Ministru Konrad Mizzi
L-eks PM Joseph Muscat u l-eks Ministru Konrad Mizzi

'Ir-responsabilità ta' Muscat...'

Dawn il-konklużjonijiet jisħqu li l-fatt li Muscat żamm lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi u ddefendihom, anke meta bdew ħerġin fatti u stejjer dwar 17 Black wassal biex il-kultura tal-impunità li jgħid illi wasslet biex tinqatel Daphne Caruana Galizia kompliet tiżdied. 

"Dawn id-deċizjonijiet tal-eks Prim Ministru flimkien mal-fiduċja espressa mill-Parlament, fil-fehma tal-Bord, saħħew il-kultura ta’ impunita’ li fiha kienu jaġixxu l-persuni kollha involuti fl-attivitajiet ta’ intriċċi bejn amministraturi politiċi u negozjanti kbar li dwarhom kitbet Daphne Caruana Galizia. Impunita’ li straħu fuqha l-elementi ta’ kriminalita’ organiżżata, kienu min kienu, u li ċertament iffaċilitat l-assassinju."

Ara wkoll x'qal ir-rapport dwar ir-responsabilita kollettiva tal-Kabinett.

 

More in Politika