Tliet snin ħabs għal żagħżugħ li għen persuni biex jidħlu jew iħallu Malta illegalment

Huwa kien akkużat bi traffikar uman u ammetta minnufih l-akkużi kollha

Żagħżugħ ingħata sentenza ta' tliet snin ħabs wara li wieġeb ħati ta' traffikar uman hekk kif ammetta li għen immigranti biex jidħlu jew iħallu lil Malta illegalment.

Iż-żagħżugħ, li għad għandu 26 sena, huwa mis-Somalja iżda jgħix Ħaż-Żabbar.

Huwa tressaq il-Qorti dalgħodu quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia. L-Ispettur Karl Roberts spjega kif ir-raġel ġie arrestat wara li l-Pulizija rċeviet informazzjoni minn persuni anonimi.

Kien akkużat li fl-20 ta' Lulju u anke fix-xhur ta' qabel, għen persuni biex jidħlu jew iħallu Malta illegalment għall-flus. Kien akkużat ukoll li għamel dikjarazzjoni falza f'dokument pubbliku u anke b'rapport falz lill-Pulizija

Huwa ammetta minnufih u ngħata sentenza ta' tliet snin ħabs.

More in Politika