‘75% tal-lukandi qed jesperjenzaw nuqqas ta’ ħaddiema ... kostretti jnaqqsu s-servizzi’

L-istakeholders jappellew lill-Gvern għal strateġija li tħares fit-tul biex aktar Maltin jidħlu jaħdmu f'dan is-settur

“Il-pandemija ġabet magħha għadd ta’ sfidi li konnha qed nistennew u oħrajn li ma konniex qed nistennew. In-nuqqas ta’ ħaddiema fis-settur tat-turiżmu u l-ospitalità hija waħda minnhom.” Hekk saħaq mal-gazzetta ILLUM il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) Tony Zahra. 

Din ma kinitx l-ewwel darba li persuni fis-settur tat-turiżmu u l-ospitalità ilmentaw mal-ILLUM dwar din l-isfida. Iżda jidher li din hija mifruxa ftit mhux ħażin tant li fi kliem Tony Zahra, 75% tal-lukandi f’Malta qed jiffaċjaw nuqqas ta’ ħaddiema. 

Mistoqsi x’wassal għal dan, Zahra insista li kien hemm diversi fatturi li ġraw f’salt. Fost oħrajn semma ħaddiema li ma kinux Maltin u li marru lura lejn id-dar meta ma kienx hawn xogħol għax huma ma ħadux is-suppliment tal-paga. 

“Kellek numru ieħor ta’ ħaddiema barranin li s-suppliment tal-paga ma kienx biżżejjed għalihom. Dawn sabu xogħol ieħor u issa ma jridux jiġu lura,” insista Zahra mal-ILLUM. 

Propju għalhekk li tkellem dwar l-importanza li kemm il-lukandi u anke l-istabbilimenti l-oħra jinżammu miftuħa għax inkella s-sitwazzjoni se tiggrava. 

“L-ewwel inżommuhom miftuħa u mbagħad naraw kif se nsolvu l-problema tal-impjiegi,” insista Zahra.  

Fakkar li għal ħafna xhur, l-industrija kienet magħluqa għal kollox. Fi kliemu, altru jagħlaq ristorant wieħed u jiftaħ u altru jkollok kollox magħluq u jinfetaħ f’salt. 

“Li ġara huwa li d-domanda għall-ħaddiema kienet qawwija imma l-għażla kienet żgħira,” kompla jisħaq. 

Mistoqsi jispjega fattwalment kif dan qed jaffettwa l-operat tal-lukandi, Zahra saħaq li hemm min kellu jnaqqas is-servizzi. Semma lukandi li għandhom aktar minn bar wieħed u minħabba s-sitwazzjoni qed ikollhom joperaw bar wieħed biss u jħallu l-ieħor magħluq jew jalternaw. 

“Hemm lukandi oħra li ma jistgħux jilqgħu turisti daqskemm jifilħu u għalhekk iddeċidew li flok bil-kapaċità massima, jaħdmu b’inqas,” kompla Zahra. 

Insista li “s-sitwazzjoni hija diffiċli ħafna” u se tkompli ssir aktar diffiċli issa li naqsu jew tħassru l-bookings minħabba l-aħħar restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar. 

“Immaġina lukanda li kienet qed tilqa’ 75% ta’ kemm tiflaħ tieħu turisti u issa komplew jonqsula l-bookings,” temm jgħid Zahra. 

Biex ittaffi ftit minn din il-problema, fost oħrajn, l-MHRA qed tappella lill-Gvern biex jeżenta l-ħlas tat-taxxa mid-dħul għal dawk il-ħaddiema fis-settur tat-turiżmu, l-ivjaġġar u l-ospitalità li jagħmlu overtime jew li jaħdmu fuq bażi part-time. 

 ‘Hemm bżonn soluzzjoni li tħares fit-tul mhux bħalma kienu l-ħaddiema barranin’ 

Anke l-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, Joe Muscat, ikkonferma mal-gazzetta ILLUM li din l-isfida qed iħossuha wkoll mhux biss il-lukandi imma anke diversi stabbilimenti Għawdxin. 

“F’Għawdex ilna nħossu u nitkellmu dwar din il-problema għal dawn l-aħħar għaxar snin imma bil-pandemija, l-isfida kibret ħafna. Ħafna ħaddiema barranin telqu,” insista Muscat. 

Saħaq li kawża ta’ dan, diversi stabbilimenti qed inaqqsu mis-servizzi tagħhom. Semma, fost oħrajn, stabbilimenti li mhux qed jiftħu kuljum u anke lukandi li għażlu li ma jiftħux ċertu stabbilimenti oħra li għandhom affiljati, bħal ristoranti. 

“Is-sitwazzjoni qed issir dejjem iżjed diffiċli. Anke meta jiġi jew toħloq ix-xogħol, ma tistax taħdem għax ma għandekx b’min taqdih,” insista. 

Joe Muscat - GTA
Joe Muscat - GTA

Kien hawn li Muscat insista li għandu jkun hemm sforz kollettiv, mal-istakeholders kollha, biex jittieħdu l-miżuri li hemm bżonn biex tikber il-kunfidenza fost il-ħaddiema Maltin u Għawdxin fis-settur turistiku. 

“It-turiżmu hija l-akbar industrija f’Għawdex u ma ssibx Għawdxin li lesti jaħdmu fih. Hemm ħafna raġunijiet li jwasslu għal dan u rridu nindirizzawhom,” insista.  

Temm jisħaq li din hija sfida li trid tiġi indirizzata b’soluzzjoni li tħares fit-tul u mhux tinstab sempliċiment soluzzjoni għall-immedjat, bħalma, fi kliemu, kienu l-ħaddiema barranin. 

‘Irridu nużaw ir-riżorsa umana tagħna b’mod aktar effiċjenti’ 

L-ILLUM tkellmet ukoll mad-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA) li filwaqt li kkonferma l-isfida li qed jiffaċjaw l-impjegaturi, minħabba nuqqas ta’ ħaddiema, saħaq li Malta trid titgħallem tuża r-riżorsa umana tagħha b’mod aktar effiċjenti. 

Imxejna pass pass, b’Farrugia jisħaq li fi żmien il-pandemija telqu ħafna ħaddiema barranin, tant li meta l-ekonomija reġgħet bdiet tiċċaqlaq, ma kienx hawn biżżejjed ħaddiema biex iwieġbu għad-domanda. 

Insista li hemm ħafna xi jsir biex Malta tattira ħaddiema barranin u ta’ kwalità. Fost dawn semma proċessi tal-Identity Malta u saħaq li trid tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-ħaddiema barranin li ma jistgħux iġibu l-familji tagħhom f’Malta.  

Spjega kif ħaddiema minn pajjiżi mhux żviluppati, jiġu Malta jaħdmu biex jibagħtu l-flus lill-qrabathom imma hemm ħaddiema oħra professjonisti, fosthom fis-settur tas-servizzi finanzjarji, li għadhom ma jistgħux jiġu jaħdmu Malta u magħhom iġibu l-familja. Fi kliemu, din qed toħloq il-problemi. 

Joe Farrugia - MEA
Joe Farrugia - MEA

Madanakollu insista li Malta ma tistax tibqa’ tiddependi biss mill-ħaddiema barranin. Kien hawn li saħaq li fid-dawl tal-fatt li l-popolazzjoni qiegħda dejjem tixjieħ, Malta ma tistax taħli r-riżorsa umana tagħha. 

“Pereżempju fis-settur pubbliku hemm ħafna nies żejda. Mhux kullimkien imma hemm oqsma fejn hemm laxkezza kbira. Issa ġejja l-elezzjoni u jerġa’ jkollna influss ta’ ħaddiema mis-settur privat għal dak pubbliku. Dan ma naffordjawhx. Mhux biss huwa piż żejjed fuq is-settur pubbliku, speċjalment issa li l-ekonomija ċkienet u hemm it-theddid, imma nkunu qed naħlu r-riżorsa umana,” insista. 

Kien hawn li saħaq li Malta għandna bżonn strateġija biex tagħmel l-aħjar użu mir-riżorsa umana tagħha. Semma fost oħrajn ir-rata għolja ta’ studenti li jieqfu kmieni mill-iskola. 

“Fil-catering ma hemmx waiting staff. Possibbli ma nistgħux nattiraw minn dawn l-istudenti li jieqfu kmieni mill-iskola biex jaħdmu f’dan is-settur? Mhux dan is-settur biss, hemm ħafna setturi oħra li,” insista. 

Kien hawn li saħaq li din mhijiex biss problema tal-lukandi u r-ristoranti imma hija mifruxa u se tkompli tiggrava għax il-popolazzjoni qiegħda dejjem tixjieħ. 

“Ma nistgħux nibqgħu nibbażaw biss fuq il-ħaddiema barranin. Huma importanti imma mhux biss. Kien hemm bżonn 65,000 ħaddiem barrani. Jien ngħid le. Jekk nużaw ir-riżorsa umana tagħna aħjar, ma hemmx bżonn daqshekk barranin,” temm jisħaq.   

More in Politika