John Dalli jrid apoloġija mingħand Repubblika u jiddeskrivi lil Daphne bħala 'kriminali perversa'

Dan wara li waqt konferenza quddiem id-Depot, l-organizzazzjoni Repubblika semmewh fost lista ta' persuni li huma jqisu 'korrotti'

L-eks Kummissarju Ewropew u eks Ministru Nazzjonalista John Dalli irid apoloġija mill-grupp Repubblika wara li lbieraħ akkużawh li hu korrott u li għandu jkun investigat u mressaq il-Qorti, waqt protesta quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija lbieraħ.

Fi stqarrija, Dalli rrefera għall-attivisti bħala "grupp żgħir ta' pupazzi eżaltati"  li, fi kliemu, jaġixxu daqslikieku qed imexxu dan il-pajjiż.

"Ma nafx jekk humiex qed jirreferu għall-frodi ta' Giovanni Kessler li baqa' jinħeba taħt il-protezzjoni tal-impunità mill-Kummissjoni. Għal tliet snin il-Pulizija Belġjana ppruvat tinterroga lil Kessler u lill-istaff tal-OLAF dwar il-mod kif wettqu l-investigazzjoni kontrija. Il-Kummissjoni ostakolat il-ġustizzja billi rrifjutat din it-talba. Anke wara li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kellha tingħata l-ebda immunità, il-Kummissjoni baqgħet tostakola l-ġustizzja," insista Dalli b'referenza għall-każ li kellu meta kien Kummissarju.

Saħansitra, fl-istqarrija, irrefera għal Daphne Caruana Galizia bħala "kriminali perversa" u staqsa jekk kinux qed jirreferu għall-allegazzjonijiet tagħha.

"Forsi qed jirreferu għall-għadd ta' kalunji vvintati mill-kriminali perversa Daphne Caruana Galizia bħal dik li Egrant hija tiegħi, li jien is-sid ta' 17 Black, li kont involut fil-privatizzazzjoni tal-Isptarijiet, eċċ. Din il-kriminali perversa ngħatat l-impunità mill-Gvern Laburista meta ħadt azzjoni kontriha għall-“harassment”. Huma waqqfu lill-pulizija milli jipproċedu b' investigazzjoni li kienet għaddejja," insista Dalli.

Staqsa wkoll jekk hux qed iħawduh ma' "xi ħadd li seraq miljuni fl-iskandlu taż-żejt, jew li aġixxa bħala “nomiinee” biex jirregistra f’Malta kumpaniji għall-Mafja jew il-PPP mill-Afrika, jew li biddlu illegalment il-kundizzjonijiet tal-kuntratti tal-art... Ħadd minn dawn ma qiegħed fuq il-lista ppubblikata mit-Times of Malta," kompla jikteb Dalli biex jirreferi għal diversi skandli u allegazzjoniijet ta' żmien Gvern Nazzjonalista.

Kien hawn li saħaq li l-attivisti, li fi kliemu, qed jingħataw "spinta mill-midja korrotta ta' Malta" għandhom jew jitolbuh apoloġija jew inkella jissostanzjaw l-allegazzjoni tagħhom.

More in Politika