Żieda ta' 63.4% fil-każi tal-Covid-19 fl-UE ... imma r-rata ta' nies fl-isptarijiet u fl-ITUs tibqa' baxxa ħafna

L-ECDC tgħid li Malta hija fost l-20 pajjiż Ewropew li qed jesperjenzaw din iż-żieda u previst li jkomplu jesperjenzawha

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard (ECDC) ħabbar illi fl-aħħar ġimgħa l-Ewropa esperjenzat żieda ta' 64.3% fil-każi l-ġodda tal-Covid-19 meta mqabbel mal-ġimgħa ta' qabel. Iż-żieda fil-każi kienet innutata f'20 pajjiż ewropew, b'dawk l-aktar affetwati jirreġistraw l-akbar żidiet fost persuni ta' bejn il-15 u l-24 sena, biż-żieda fost l-anzjani tkun ħafna aktar limitata. 

L-ECDC qed tbassar li fil-ġimgħat li ġejjin il-każi se jkomplu telgħin biex jilħqu is-622.9 għal kull 100,000 abitant fl-Ewropa, b'Malta tkun fost dawk il-pajjiżi li mistennijin ikomplu jesperjenzaw din iż-żieda. Fil-fatt, grazzi għal firxa tal-varjant Delta, Malta mistennija tkompli tara żidiet li iżda huma inqas mil-livelli li qed ikunu previsti għal pajjiżi bħal Ċipru, il-Greċja u l-Olanda.  Fil-fatt l-ECDC qed tara li dawn it-tliet pajjiżi - flimkien mal-Lussemburgu -  se jesperjenzaw l-akbar żidiet fil-firxa tal-Covid-19. 

L-ECDC qed tara wkoll li pajjiżna se jibqa' minn fuq f'termini ta' vaċċinazzjoni, bin-numru ta' persuni li jieħdu t-tieni doża jitqabbel biss ma' dak fl-Iżlanda. Il-bqija tal-pajjiżi ewropej se jibqa' jkollhom rati ferm inferjuri ta' vaċċinazzjoni, mqabbel ma' Malta u l-Iżlanda.

Sa issa iżda r-rata ta' nies li qed jiddaħħlu l-isptar minħabba l-virus baqa' stabbli għalkemm l-ECDC innutat żidiet fi tliet pajjiżi. Ir-rata ta' okkupanza fil-units ta' kura intensiva madwar l-UE baqgħet baxxa fl-aħħar disa' ġimgħat (bejn 0.7 u 0.9 għal kull 100,000 abitant), għalkemm kien hemm żieda f'żewġ pajjiżi tal-UE. 

More in Politika