Jagħmel ħafna storbju - pero' għal ħafna jibqa' parti integrali mill-festa u jaqblu li jibqa'!

Sondaġġ xjentifiku tal-gazzetta ILLUM juri illi 73.2% tal-Maltin u l-Għawdxin jaqblu mal-użu tal-murtali fil-festa, b'mod speċjali ż-żgħażagħ...

Ilmenti u saħansitra kampanji fuq il-midja biex jitwaqqfu minħabba l-istorbju u l-effett li hemm min jgħid li jkollhom fuq l-annimali u persuni vulnerabbli - il-maġġoranza kbira tal-Maltin u l-Għawdxin jibqgħu favur l-użu tal-murtali fil-festi. Il-murtali huma parti mill-varjetà ta' nar li jinħaraq waqt festa, b'mod speċjali bħala salut, fit-tmienja u nofsinhar - matul il-ġimgħa tal-festa, waqt li jingħad it-Te Deum u fil-'kaxxa' hi u ħierġa l-purċissjoni tal-festa nhar il-Ħadd.  

Fid-dawl tal-ilmenti li jqumu kważi kull sena fis-sajf, il-gazzetta ILLUM f'sondaġġ xjentifiku permezz ta' Polar, staqsiet lin-nies jekk jaqblux jew le mal-użu tal-murtali fil-festi.  

Maġġoranza qawwija ta' 73.2% wieġbu illi jaqblu, filwaqt li kienu biss 20.4% li qalu li ma jaqblux u 6.4% ma tawx risposta.  

Interessanti li l-aktar favur u l-aktar kontra huma l-aktar żgħażagħ u l-anzjani, rispettivament. Fil-fatt 79.8% ta' dawk li pparteċipaw u għandhom bejn is-16 u l-35 sena qalu li jaqblu, filwaqt li kienu biss kważi 11% li qalu li ma jaqblux. Dan jista' jkun frott dversi fatturi, fosthom il-fatt li l-ħoss idejjaq inqas lil dawk iżgħar fl-età, pero' wkoll il-qawmien tal-entużjażmu u l-volontarjat f'diversi oqsma tal-festa fost iż-żgħażagħ fl-aħħar 15-20 sena, inkluż fil-logħob tan-nar.  

Kuntrarjament, minkejja li dawk aktar anzjani huma fil-maġġor parti xorta favur, hemm iżda element ħafna ikbar ta' persuni kontra din il-prattika. Fost dawk bejn il-51 u l-65 sena, filwaqt li dawk favur jinżlu għal 66%, dawk kontra jitilgħu għal 27%. Fost dawk li għandhom aktar minn 65 sena, dawk favur jerġgħu jitilgħu għal 70.6%, filwaqt li dawk kontra jinżlu ftit għal 24.5%. 

Fuq livell ġeografiku ma hemmx differenzi notevoli lanqas, bil-maġġoranza assoluta u kbira - kullimkien - tibqa' favur l-użu tal-murtali. Fil-fatt f'kull żona ta' Malta aktar minn 70% jaqblu mal-użu tal-murtali u fil-każ tan-nofsinhar tal-port (Kottonera, Ħaż Żabbar, Raħal Ġdid, Ħal Tarxien...) u anke fit-tramuntana (Il-Mosta, il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Imġarr u Mellieħa) dawk favur jaqbżu s-77%. 

F'termini politiċi l-votanti Laburisti huma ftit aktar favur minn dawk Nazzjonalisti, anke jekk mhux b'differenza kbira. Fil-fatt kienu 19.8% tal-parteċipanti li vvotaw PL fl-aħħar elezzjoni li qalu illi ma jaqblux u 22.7% tal-votanti tal-PN fl-2017 li wkoll qalu li ma jaqblux mal-użu tal-murtali. 

Differenza ftit iktar notevoli hija bejn in-nisa u l-irġiel, b'dawn tal-aħħar ħafna iktar favur (76.4%), milli huma n-nisa (70%). 

More in Politika