15% ta' dawk pożittivi huma Maltin - żewġ terzi turisti... mad-90% minnhom mhux vaċċinati

Instabu każi pożittivi minn 16-il skola tal-Ingliż - minn għada jingħalqu bl-istudenti jibqgħu kwarantina

Huma b'kollox madwar 15% biss ta' dawk pożittivi għall-Covid-19 bħalissa li huma Maltin, filwaqt li hemm xi wħud li huma barranin li jgħixu Malta - bil-maġġoranza tal-każi jkunu barranin li qegħdin hawn vaganza. Kien id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne li ħabbar dan illum waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha qal ukoll li 90% tal-persuni li huma pożittivi ma ħadux il-vaċċin kontra l-Covid-19. 

L-istudenti tal-Ingliż jidher li baqgħu l-akbar proporzjon ta' każi b'16-il skola tirreġistra każi pożittivi. 

Id-Deputat PM u Ministru tas-Saħħa fil-fatt ħafna drabi appella lin-nies biex jieħdu l-vaċċin għax fakkar li dan huwa l-aqwa għodda biex il-pajjiż jiġġieled il-virus u jkun lest għall-firxa tal-varjanti, bħad-delta li ammetta illi qed jinfirex fost il-komunità hawn Malta wkoll. 

Huwa qal illi sa issa 80% tal-poplu huwa vvaċċinat, filwaqt li l-medja fl-Unjoni Ewropea hija biss ta' madwar 30%.  Fearne sostna għall-mistoqsijiet dwar akkużi li Malta qed tkun diksriminatorja għaliex se tibda taċċetta turisti vvaċinati biss, illi mhux nuqqas ta' Malta li l-bqija tal-UE għandha rata baxxa ta' vaċċinazzjoni. 

"Dawk li għadhom ma ħadux it-tilqima għandhom jirreġistraw u jiħduha, " qal Fearne hekk kif illum tħabbar ukoll li min-nhar it-Tnejn, kull min irid jieħu l-vaċċin tal-COVID-19 jista’ jitlaqqam bla appuntament.

Intant Fearne ħabbar ukoll li l-mewt ta' tifla ta' ħames snin u nofs għad ma hemm ebda konferma li hija riżultat tal-Covid-19, irriżultat fin-negattiv f'test qabel mewtha, imma rriżultaw traċċi ta' Covid-19, wara mewtha. Ikkonferma li ħadd mill-familja tagħha ma rriżulta pożittiv għall-Covid-19. 

Intant Fearne qal ukoll li għaddejjin diskussjonijiet biex il-Gvern japprova aktar ċertifikati tal-vaċċin ewropej. 

 

More in Politika