Il-Kunsill Lokali Naxxar jikundanna lill-Gvern fuq l-iżvillup fi Triq il-Kosta

Il-Kunsill Lokali tan-Naxxar jgħid li ma kienx infurmat dwar caravan site temporanja fi Triq il-Kosta viċin Baħar iċ-Ċagħaq

Il-Kunsill Lokali Naxxar, permezz ta' stqarrija, esprima l-kundanna tiegħu dwar żvilupp fin-Naxxar mingħajr l-ebda forma ta’ konsultazzjoni. Il-Kunsill jgħid li "kellu jkun artiklu fuq il-ġurnal MaltaToday li ħabbar li Infrastructure Malta, fuq għażla tal-Ministeru tal-Ambjent, se jibni caravan site temporanja fi Triq il-Kosta viċin Baħar iċ-Ċagħaq."

"Il-Kunsill jikkundanna l-fatt ukoll għaliex ilu żmien jitlob l-assistenza tal-Gvern, inkluż lill- Ministru tal-Ambjent, biex ikun hemm aktar kontroll fuq l-ammont esaġerat ta’ caravans li tpoġġew matul il-kosta. Dawn m’għandhom l-ebda faċilità sanitarja filwaqt li l-Kunsill għandu rapporti li allegatament qed jitfgħu d-drenaġġ fil-baħar!"

Il-Kunsill iċċara li hu mhux kontra li jkun hemm siti għall-caravans ikkontrollati u skont standards li jixirqu l-pajjiż u infatti approva liġi propju dwar dan. Intant hu insista li "għal darba oħra minflok inkoraġġiment u sapport mill-Gvern, il-Kunsill qiegħed isib ma’ wiċċu proposta bħal din."

Skont hu, din il-proposta tqajjem diversi mistoqsijiet li ma ġewx ikkonsidrati, fosthom kif se jkun immaniġġjat u kkontrollat is-sit, x’faċilitajiet sanitarji se jkun hemm, xi tfisser temporanja u x’bilanċ se jitħalla bejn dawk li jixtiequ jmorru jgħumu fis-sit u dawk li jridu jipparkjaw caravan.

Il-Kunsill Lokali Naxxar jappella lill-Gvern biex "ma jibqax aktar jirrombla minn fuqu" filwaqt li jfakkar li l-Kunsill huwa r-rappreżentant tal-poplu kollu tan-Naxxar u għalhekk jixraqlu kull rispett."

More in Politika