Sal-lum Malta se tkun għamlet miljun swab test... il-Gvern jimmira lejn l-85% tal-poplu vvaċċinat

Id-Deputat Prim Ministru jgħid illi l-Gvern qed iħares lejn il-15 ta' Awwissu biex jevalwa l-possibilità ta' attivitajiet b'persuni bil-wieqfa

Id-Depġutat PM Chris Fearne
Id-Depġutat PM Chris Fearne

Illum pajjiżna se jkun laħaq il-miljun swab test li sar minn kemm ilha li faqqgħet il-pandemija. Dan ħabbru d-Deputat PM Chris Fearne li fakkar illi mil-lum reġgħu bdew isiru ċerti attivitajiet skont protokolli, fosthom mhux aktar minn persuna kull erba' metri kwadri waqt l-attività illi għaliha kulħadd irid ikun bilqiegħda, f'attivitajiet li fihom ikun hemm biss, sa mhux aktar minn 100 persuna. Il-Gvern iżda aċċetta li jkunu permessi wkoll bubbles ta' 100 persuna - bil-persuni fil-bubbles jitilghu għal 200 iktar tard dan ix-xahar. 

Wara l-15 ta' Awwissu il-Gvern qed jara li jibda jikkunsidra attivitajiet li ma jinvolvux persuni bilqiegħda, imma bil-wieqfa, b'limiti ta' persuni li jkunu jistgħu jattendu.  

Sal-lum 77% tal-poplu Malti huwa mlaqqam b'mod komplet bil-Gvern jaħdem, jgħid Fearne, sabiex jilħaq il-85% u għalhekk il-pajjiż ikun preparat għat-tixrid tal-varjant Delta li qed iwassal biex f'ċerti pajjiżi n-numri jiżdiedu b'mod qawwi. 

Dwar il-varjant Delta f'pajjiżna, Fearne qal li bħalissa Malta għandha biss każ wieħed attiv ta' dan il-varjant, hekk kif persuna oħra li kellha l-varjant Delta fieqet ilbieraħ.

Fearne irrikonoxxa li kien hemm żieda żgħira fil-każi pożittivi f'Malta, minn 0.1% tal-iswab tests il-ġimgħa l-oħra għal 0.25% sal-bieraħ. Illum fil-fatt kienu rreġistrati 12-il każ ġdid, daqs ilbieraħ.  Waqt l-istess konferenza Fearne ħabbar li hemm żewġ persuni l-ITU - it-tnejn barranin li jgħixu Malta u t-tnejn ma ħadux il-vaċċin. 

"Anke meta inħarsu lejn pajjiżi oħrajn naraw kif il-vaċċin ħadem. Anke jekk kien hemm żieda fin-numru ta' każi bħal fir-Renju Unit, in-numri ta' persuni li kellhom jiddaħħlu l-isptar baqgħu baxxi," fakkar Fearne. 

Intant huwa qal illi sa issa tniżżlu diġitalment 202,000 ċertifikat tal-vaċċin, li 70,000 minnhom kien iċ-ċertifikat Ewropew. 

 

 

More in Politika