Skont rapport li ġie ppubblikat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru fl-UE ma ġewx salvagwardjati matul il-pandemija tal-COVID-19. Il-Qorti sostniet li "l-linji tal-ajru huma legalment meħtieġa li jagħtu lill-passiġġieri flushom lura jekk jikkanċellaw it-titjiriet. Iżda minflok ħafna linji tal-ajru ġiegħlu lill-klijenti tagħhom jaċċettaw il-vawċers, u din hija prattika illegali."
L-awdituri tal-UE ġibdu l-attenzjoni wkoll għall-fatt li l-linji tal-ajru u l-operaturi ta’ pakketti tal-ivvjaġġar irċevew biljuni ta’ ewro f’għajnuna mill-Istat, li ngħatat "mingħajr ma kienet kundizzjonali fuq ir-rimborż li jingħata lill-passiġġieri."
“Fost il-ħafna konsegwenzi tagħha, il-pandemija kellha effett dannuż fuq id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru fl-UE”, qalet Annemie Turtelboom, il-Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri responsabbli għar-rapport. “Filwaqt li sar kull sforz biex il-linji tal-ajru u l-operaturi ta’ pakketti tal-ivvjaġġar jingħataw appoġġ, ftit li xejn saru sforzi biex jiġu żgurati d-drittijiet ta’ miljuni ta’ persuni fl-UE.”
L-awdituri sabu li fl-ewwel xhur tal-kriżi ħafna passiġġieri tilfu l-flus li kienu intitolati għalihom.
"Dan saħansitra seħħ bil-ftehim tal-Istati Membri: 15 minnhom, inklużi Franza, l-Olanda u l-Belġju, adottaw miżuri eċċezzjonali biex jeħilsu lil-linji tal-ajru u lill-operaturi ta’ pakketti tal-ivvjaġġar mill-obbligu normali tagħhom li jirrimborżaw lill-passiġġieri. Bi ksur tal-leġiżlazzjoni tal-UE, ħafna passiġġieri kienu mġiegħla jaċċettaw il-vawċers, iżda mhux dejjem kienu protetti kontra l-insolvenza tal-linji tal-ajru, u l-prospett ta’ rimborż iddewwem," sostniet il-Qorti fir-rapport tagħha.
Huma jgħidu illi minkejja li minn nofs l-2020, il-linji tal-ajru bdew jirrimborżaw lill-passiġġieri, "fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, dan ħa ħafna aktar mis-7 ijiem (għal passiġġieri “b’biljetti għat-titjira biss”) jew l-14-il jum (għal vjaġġaturi b’pakketti li jinkludu t-titjira u l-akkomodazzjoni) meħtieġa mil-leġiżlazzjoni." Il-Qorti nnutat li kien hemm każi illi għalihom lanqas biss ingħata rimborż.
Il-Qorti Ewopea tal-Awdituri fakkret illi b’mod ġenerali, bejn Marzu 2020 u April 2021 l-Istati Membri ħarġu fondi pubbliċi li jammontaw għal kważi €35 biljun. Innutaw li l-Air France u KLM flimkien irċevew aktar minn €11-il biljun, Lufthansa aktar minn €6 biljun, u TUI, TAP u SAS aktar minn biljun ewro kull waħda.
"Madankollu, l-Istati Membri ma għamlux l-għoti ta’ għajnuna lil-linji tal-ajru espliċitament kontinġenti fuq ir-rimborż tal-passiġġieri, minkejja li l-Kummissjoni kienet għamlitha ċara li huma setgħu jagħmlu dan," ilmentat il-Qorti.
"Fl-aħħar mill-aħħar, l-Istati Membri ħallew ir-rimborż tal-passiġġieri tal-ajru unikament f’idejn il-linji tal-ajru, li min-naħa tagħhom segwew il-prijoritajiet proprji tagħhom fir-rigward tal-użu tal-għajnuna mill-Istat."
Għalhekk il-Qorti Ewropea tal-Awdituri temmet tappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tissalvagwardja aħjar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru, b'mod speċjali issa li qed ngħixu f'realtà ta' pandemija.