L-Avukati ta' Fenech jisħqu li l-laptops ta' Daphne jinkludu informazzjoni li turi li l-akkużat huwa innoċenti

It-tim legali ta' Fenech talbu li jkollhom aċċess għal laptops u l-hard drives ta’ Daphne Caruana Galizia

L-Avukati ta’ Yorgen Fenech talbu li jkollhom aċċess għal laptops u l-hard drives ta’ Daphne Caruana Galizia għax qalu li dawn jinkludu evidenza importanti li turi li Fenech huwa innoċenti u li tikkontradixxi l-evidenza tal-intermedjarju Melvin Theuma, ix-xhud ewlieni fil-każ.

It-tim legali ta’ Fenech ressqu din l-applikazzjoni llum. Fiha qalu li Melvin Theuma qal li Fenech kien qabdu biex isib lil xi ħadd biex jeħles minn Caruana Galizia għax kienet se tippubblika xi storja dwar zijuh.

“Il-laptops u l-hard drives tal-vittma huma importanti ħafna għad-difiża biex tkun tista’ turi li huwa innoċenti u jikkontrastaw l-informazzjoni ma’ dak li qal Theuma,” jisħqu l-Avukati. 

Insistew li l-Pulizija għandhom l-obbligu li jiġbru u jippreservaw l-evidenza kollha dwar dan l-assassinju, kemm dik favur u anke dik kontra l-akkużat.

“Dan għandu jinkludi ż-żewġ laptops u tliet hard drives li kienu qed jintużaw mill-vittma fi żmien qabel l-assassinju,” komplew.

Kemm il-laptops u anke l-hard drives jinsabu l-Ġermanja wara li ntbagħtu mill-familja biex ikunu protetti, bl-awtoritajiet Ġermaniżi rrifjutaw it-talbiet li saru biex dawn jingħataw lill-awtoritajiet Maltin.

More in Politika