Għaqdiet jitolbu l-għajnuna tal-pubbliku biex jiftħu azzjoni legali kontra 'l-mostru tad-DB' f'Pembroke

L-għaqdiet fakkru li dawn it-torrijiet u l-lukanda se jinbnew f'żona residenzjali kbira u se jolqtu wkoll siti storiċi importanti u żoni naturali sensittivi

Wara li l-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-bini ta’ żewġ torrijiet ta’ 18 u 17-il sular u lukanda ta’ 12-il sular f’Pembroke, eżatt faċċata ta’ żona residenzjali kbira, għadd ta’ organizzazzjonijiet se jkunu qed jiftħu azzjonijiet legali kontra “din il-mistħija.”

Għalhekk, minħabba l-ispejjeż li proċeduri legali jġibu magħhom, qed jitolbu l-għajnuna tal-pubbliku.

Fil-fatt, l-għaqdiet nedew formola onlajn jew inkella persuna tista’ tagħti d-donazzjoni tagħha permezz ta’ trasferiment bankarju fuq dan il-kont:

APS

Isem: ITS-DB Legal Remedies 

IBAN: MT26APSB77013000000035549910089

SWIFT: APSBMTMT

L-organizazzjonijiet fakkru li l-Awtorità tal-Ippjanar kienet approvat dan il-permess fl-2018, iżda wara l-għajnuna tal-pubbliku, infetħu proċeduri legali li waslu biex il-permess ikun revokat.

“Aħna determinati li nkomplu l-ġlieda permezz ta’ iktar azzjonijiet legali kontra dan il-mostru u din it-theddida għall-kwalità tal-ħajja u l-ambjent tagħna. Iż-żewġ torrijiet ta’ 18-il sular u 17-il sular kif ukoll il-lukanda ta’ 12-il sular fuq art pubblika f’Pembroke ser jinbnew f’żona residenzjali u ser jolqtu siti storiċi importanti u żoni naturali sensittivi,” fakkru l-għaqdiet.

Komplew jisħqu li kontra “dan il-mostru tad-DB” hemm tliet kunsilli lokali u eluf ta’ residenti. Fil-fatt, tul il-proċess kollu tal-applikazzjonijiet, inġabru xejn inqas minn 17,000 oġġezzjoni.

“Ma nistgħux inħallu n-negozjanti l-kbar u l-awtoritajiet pubbliċi jgħaddu romblu minn fuq ir-rieda tal-poplu favur il-ħarsien tal-ambjent u l-kwalità tal-ħajja. Il-kontribut ta’ kulħadd - kbir jew ċkejken - jgħodd!,” temmet tgħid l-istqarrija.

L-għaqdiet firmatarji huma: ACT Malta, BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Moviment Graffitti, Nature Trust Malta, Ramblers Association of Malta, Rota, Sustainable Built Environment Malta u The Archaeological Society Malta.

More in Politika