Approvat il-proġett kontroversjali tal-Grupp DB f'Pembroke; Erba' voti favur u tlieta kontra

Il-parteċipanti kollha, apparti l-konsulenti tal-proġett, ħeġġew lill-membri tal-bord biex ma japprovawx dan il-proġett.

Illum, l-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-proġett kontroversjali tal-Grupp DB f'Pembroke li jinkludi l-bini ta'  torri ta' 17-il sular u lukanda ta' 12-il sular, fost oħrajn. Dan minkejja l-oppożizzjoni tal-Kunsilli Lokali tas-Swieqi u San Ġiljan u ta' diversi NGOs ambjentali mmexxija mill-Moviment Graffitti.

Aktar minn 17,000 oġġezzjoni kienu ġew sottomessi għall-iżvilupp fid-diversi stadji tal-ippjanar. Waqt is-seduta tal-lum, il-parteċipanti kollha, apparti l-konsulenti tal-proġett, ħeġġew lill-membri tal-bord biex ma japprovawx dan il-proġett.

Il-proġett se jsir fuq l-art li fuqha kien hemm l-Istitut għall-Istudji Turistiċi u dan wara ftehim kontroversjali li kien sar fi Frar 2017, taħt l-awspiċi tal-eks Ministru Konrad Mizzi.

Oriġinarjament, il-pjan kien għall-bini ta' torri ta' 38 sular u lukanda ta' 17-il sular. Il-proġett kien approvat fl-2018 iżda kienet inqalgħet kontroversja wara li wieħed mill-membri tal-bord kien inġieb Malta, biex jivvota, abbord ta' jet privat.

Il-permess kien revokat wara li l-Qorti kienet sabet li Matthew Pace, membru tal-bord li kien ivvota favur, kellu kunflitt ta' interess minħabba li kien involut f'kumpanija li tirreklama l-bini. Fil-fatt, fis-seduta tal-lum, ħames membri tal-bord, għażlu li ma jiħdux sehem fil-laqgħa u d-deċiżjoni hekk kif kienu membri tal-istess bord li approva l-permess oriġinali.

Fil-fatt, irrikużaw lilhom infushom iċ-Chairman tal-Bord Vince Cassar, iċ-Chairman tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi Victor Axiak, Annick Bonnello u anke Joseph Brincat. Chris Cilia rrikuża lilu nnifsu għax qal li kellu kunflitt ta' interess minħabba l-irwol professjonali tiegħu.

Illum kienu tliet membri tal-bord li vvotaw kontra. Dawn kienu l-Viċi Sindku ta' Pembroke Omar Arab, Gilmour Camilleri u Omar Vella. Vella qal li se jivvota kontra minħabba l-kobor ta' dan il-proġett f'żona residenzjali, filwaqt li ż-żewġ membri l-oħra qalu li vvotaw kontra minħabba l-impatt ambjentali, fost oħrajn.

Wara li l-permess oriġinali kien ġie revokat, l-iżviluppaturi kienu wieġbu billi preżentaw applikazzjoni separata biex jiskavaw is-sit qabel il-permess. Aktar tard din l-applikazzjoni kienet irtirata u l-iżviluppaturi ppreżentaw pjanti ġodda għall-proġett wara, li fi kliemhom "semgħu u ħadu azzjoni" fuq il-kritika.

Iżda l-kritika ma waqqfitx hemm u eventwalment kollox kellu jinbidel u ġew ippreżentati pjanti ġodda li raw l-għoli massimu tal-proġett jinżel għal 17-il sular.

Fl-intervent tiegħu llum, Andre Callus mill-Moviment Graffitti insista li minkejja l-bidliet li saru fil-proġett, dan xorta waħda ma jindirizzaw it-tħassib tar-residenti minħabba l-kobor tiegħu.

More in Politika