Kull każin tal-banda jista’ jibbenefika minn għotja ta’ €10,000 biex isir aktar inklussiv

Għal din l-iskema ġiet allokata s-somma ta’ €100,000

Il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja għadu kemm nieda skema li permezz tagħha s-soċjetajiet mużikali Maltin u Għawdxin se jkunu qed jingħataw għajnuna finanzjarja biex iwettqu proġetti li fost l-oħrajn itejbu l-aċċessibilità kif ukoll iżidu l-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità. 

Għal din l-iskema ġiet allokata s-somma ta’ €100,000 b’kull soċjetà tista’ tibbenefika sa massimu ta’ €10,000.

L-iskema tħabbret waqt Konferenza tal-Aħbarijiet mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli li matulha saħqet kemm is-soċjetajiet mużikali kellhom u għad għandhom “rwol importanti fl-iżvilupp kulturali u soċjali, partikolarment fejn jidħlu l-festi tradizzjonali fl-ibliet u l-irħula.”

Iddeskriviet il-każini tal-banda bħala pilastru ewlieni fil-qasam tal-volontarjat u faħħret ukoll l-impenn tagħhom fejn jidħol it-tagħlim tal-mużika b’xejn lil tfal u ż-żgħażagħ.

“Huwa dover tagħna bħala Gvern li nkomplu nirrikonoxxu l-ħidma tagħhom permezz ta’ għajnuniet bħalma hija din l-iskema,” saħqet il-Ministru.

Il-Ministru Farrugia Portelli żiedet tgħid li permezz ta’ din l-iskema, se tkompli wkoll il-ħidma favur l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabbiltà. Saħqet li din l-iskema hi parti minn numru ta’ inzjattivi li bħala Ministeru qed nieħdu sabiex nkomplu saħħu l-aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità. 

Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Matthew Vella spjega kif biex soċjetà mużikali tkun eliġibbli li tipparteċipa f’din l-iskema trid tkun reġistrata mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji u tkun konformi mal-liġi li tirregola s-settur volontarju fid-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet. Il-proġett li tressaq s-soċjetà mużikali jrid jippromwovi l-inklużjoni u l-aċċessibilità b’mod ħolistiku (wieħed jew aktar minn dawn l-elementi: aċċessibilità fiżika, intelletwali u/jew sensorjali).

Se tkun qed tingħata kunsiderazzjoni xierqa lil proġetti innovattivi li jridu jkunu ta’ xprun għall-kumplament tal-komunità. Kriterju ieħor huwa li s-Soċjetà Mużikali trid tkun attiva kif ukoll rreġistrata mal-Għaqda Każini tal-Baned.

L-applikazzjonijiet għal din l-iskema jintlaqgħu onlajn sal-Ġimgħa, 30 ta’ Lulju 2021. Aċċess għall-formola tal-applikazzjoni jista’ jinkiseb mis-sit https://inclusion.gov.mt/socjetajiet-muzikali-iktar-inklussivi/

More in Politika