Grazzi Charmaine Gauci! Mhux se jibqa' jsir il-bulettin mediku ta' nhar ta' Ġimgħa

L-informazzjoni dwar in-numri u l-każi l-ġodda se tibqa' tingħata kuljum fuq il-paġna ta' Facebook 'Saħħa'

Issa li s-sitwazzjoni tal-pandemija f'Malta kienet deskritta bħala 'tajba' mid-Deputat Prim Ministru, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci ħabbret li se tkun qed twaqqaf il-bulletin mediku ta' nhar ta' Ġimgħa.

Għal dawn l-aħħar xhur, kull nhar ta' Ġimgħa, Gauci kienet qed twassal l-informazzjoni kollha u twieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar il-pandemija.

Madanakollu, issa li l-każi huma baxxi u t-tilqim mexa b'ritmu tajjeb ħafna, għażlet li twaqqaf dan l-appuntament ta' kull ġimgħa, anke jekk saħqet li l-uffiċċju tagħha se jibqa' disponibbli li jwieġeb il-mistoqsijiet tal-pubbliku, jekk persuna ċċempel jew tibgħat email.

Qalet ukoll li se tibqa' disponibbli għall-ġurnalisti li jistgħu jistaqsu l-mistoqsijiet lilha direttament.

Fil-bidu tal-pandemija f'Malta, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika kienet twassal bulettin mediku kuljum. Dan kien twaqqaf fil-bidu tas-sajf tas-sena li għaddiet, sakemm reġa' beda jsir kull nhar ta' Ġimgħa meta l-każi reġgħu bdew jiżdiedu.

F'Diċembru li għadda, il-Professur Gauci kienet ħadet Ġieħ ir-Repubblika għas-servizz tagħha.

Aqra wkoll:

More in Politika