Mill-5 ta' Lulju jistgħu jsiru attivitajiet ikkontrollati u bid-distanza soċjali għal min ikollu ċ-ċertifikat tal-vaċċin

Għalissa l-persuni kollha li jattendu għal dawn l-attivitajiet iridu jibqgħu bilqiegħda biex jinżamm il-kontroll 

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li mill-5 ta' Lulju, il-pajjiż se jibda jiftaħ b'mod ikkontrollat u kawt, l-attivitajiet soċjali u kulturali li għalihom se jkunu jistgħu jattendu dawk li jkollhom f'idhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin.

Spjega li dawn l-attivitajiet jistgħu jkunu f'post li fih ikun jista' jsir kontroll. Fil-fatt, għalkemm il-post jista' jkun fil-miftuħ, irid ikun hemm entratura biex l-organizzaturi jkunu jistgħu jikkontrollaw u jassiguraw li kull min jidħol ikollu f'idu ċ-ċertifikat. 

Fearne qal ukoll li għalissa, l-attivitajiet permessi biss huma dawk li fihom in-nies ikunu bilqiegħda biex tkun tista' tibqa' tinżamm id-distanza soċjali.

Anke l-udjenza se tkun limitata, bil-massimu tal-persuni li jkunu jistgħu jattendu se jiżdied kull ħmistax, biex l-awtoritajiet tas-saħħa jkunu jistgħu jassessjaw is-sitwazzjoni.

Fi kliem il-Ministru Fearne, dan qed isir biex ma jiġrix dak li ġara s-sena l-oħra, meta attività waħda waslet għal żieda qawwija fl-imxija. B'dan il-kontroll, l-awtoritajiet tas-saħħa jkunu jistgħu jibqgħu jevalwaw is-sitwazzjoni u f'każ li jkun hemm tixrid tal-virus, l-ammont ta' persuni f'riskju ma jkunx kbir.

Għalhekk il-massimu tal-persuni li jistgħu jattendu se jkun hekk:

  • 5 ta' Lulju: persuna għal kull erba' metri kwadri għal massimu ta' 100 persuna
  • 19 ta' Lulju: il-massimu jitla' għal 150 persuna
  • 2 ta' Awwissu: il-massimu se jitla' għal 200 persuna.

Aktar tard jitħabbru wkoll in-numri ta' Awwissu u Settembru.

Dawn in-numri ma jinkludux l-organizzaturi, l-artisti jew il-ħaddiema.

Għal kull attività, l-organizzaturi se jkunu mitluba jimlew formola ta' 'risk assessment' li se tkun disponibbli fuq is-sit tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu mit-Tnejn.

X'jista' jiġi organizzat?

Il-Ministru Fearne spjega wkoll li dawn l-attivitajiet jistgħu jkunu ta' natura kwalunkwe, inkluż attivitajiet tal-każini, ġaladarba l-organizzaturi jżommu mal-protokolli. Għalhekk, minkejja li l-purċissjonijiet u l-marċi ma jistgħux isiru, każin tal-banda jista' jagħżel li jorganizza kunċert, ġaladarba jżomm mal-protokolli mħabbra.

L-attivitajiet ma jistgħux isiru fi proprjetajiet residenzjali jew inkella mikrija.

Mistoqsi jekk dan huwiex diskriminatorju għal min ma jridx jieħu l-vaċċin, id-Deputat Prim Ministru qal fil-bqija tal-postijiet miftuħa, inkluż ristoranti u bars, persuni li ma ħadux il-vaċċin jistgħu jmorru.

Insista li għalissa, ġaladarba Malta għandha rata kbira ta' nies imlaqqma, kien imiss li jinfetħu dawn l-attivitajiet għall-persuni li għandhom biżżejjed immunità kontra l-virus. Saħaq li eventwalment 'il quddiem, anke dawn l-attivitajiet ikunu miftuħa għal kulħadd.

U min ma jistax jieħu l-vaċċin?

Intant is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci spjegat kif it-tfal li jkollhom inqas minn ħames snin u għalhekk ma jistgħux jieħdu l-vaċċin, se jkunu jistgħu jattendu mal-ġenituri li jkollhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin. Tfal oħra li ma jistgħux jieħdu l-vaċċin jistgħu jattendu jekk jagħmlu rapid test li jkun sar 24 siegħa qabel jew PCR test li jkun sar fis-72 siegħa ta' qabel.

Anke nisa tqal jistgħu jattendu jekk jieħdu magħhom ċertifikat tat-tabib u anke test l-istess bħal fil-każ tat-tfal.

Il-ħaddiema li se jkunu qed jaħdmu f'dawn l-attivitajiet ukoll irid ikollhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin.

L-organizzaturi kif se jikkonfermaw jekk ċertifikat ikunx validu?

L-organizzaturi jistgħu jidħlu fis-sit iccertifikavaċċin.gov.mt biex jingħataw is-sistema li permezz tagħha se jkunu jistgħu jikkonfermaw li ċ-ċertifikat ikun validu. 

L-organizzaturi jistgħu jwaqqfu persuni milli jidħlu jekk, minkejja li jkollhom ċertifikat tal-vaċċin, ikollhom id-deni jew inkella jkunu jidhru ma jifilħux.

Ikel servut mal-imwejjed u ma jistax ikun hemm tipjip

F'każ li jkun hemm bżonn l-imwejjed u jkun se jkun hemm l-ikel, għandhom jittieħdu l-protokolli kollha tar-ristoranti, fosthom fejn jidħol id-distanza bejn l-imwejjed. Sa issa, massimu ta' sitt persuni jistgħu jpoġġu madwar mejda.

Għalhekk l-ikel u x-xorb irid ikun servut mal-imwejjed u ma jistgħux isiru buffets.

Ma jistax ikun hemm breaks jew intermission matul l-attività.

It-tipjip mhuwiex permessibbli u l-maskra trid tintlibes il-ħin kollu.

'Il-Gvern se jkun qed jgħin lill-organizzaturi'

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Jose Herrera, qal li filwaqt li jifhem li attivitajiet ikkontrollati jistgħu ma jħallux biżżejjed dħul, qal li l-Ministeru mmexxi minnu, fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin, se jkun qed iħabbar għajnuna għall-organizzaturi.

Qal li anke l-Ministeru għandu lista ta' attivitajiet li se jkun qed iħabbar biex jinkludi wkoll diversi artisti. 

More in Politika