Sondaġġ | Nofs il-poplu jrid li nkomplu nieħdu sehem fil-Eurovision ... 20% jaqblu li ntellgħu diska bil-Malti

Il-gazzetta ILLUM staqsiet l-ewwel lill-parteċipanti, jekk jaħsbux li Malta għandha tibqa' tieħu sehem fil-Eurovision u wara staqsiet jekk jaħsbux li s-sena d-dieħla Malta għandha titla' għall-Eurovision b'diska bil-Malti jew inkella bl-Ingliż

l-Eurovision dejjem niddiskutuh, insegwuh u nqajmu ħafna kontroversja dwaru, u din is-sena xi ħaġa speċjali! U peress li din is-sena kien hemm ħafna iktar element ta' diskussjoni, kontroversja u diżappunt il-gazzetta ILLUM permezz ta' POLAR ressqet żewġ mistoqsijiet dwar il-Eurovision, f'sondaġġ xjentifiku matul din il-ġimgħa. 

Il-gazzetta staqsiet l-ewwel lill-parteċipanti, jekk jaħsbux li Malta għandha tibqa' tieħu sehem fil-Eurovision u wara staqsiet jekk jaħsbux li s-sena d-dieħla Malta għandha titla' għall-Eurovision b'diska bil-Malti jew inkella bl-Ingliż. 

Kważi nofs il-parteċipanti, jew 49.9% jemmnu li Malta għandha tibqa' tipparteċipa, filwaqt li hija minoranza ta' 32.5% li jħossu illi Malta għandha tieqaf titla' għall-Eurovision.  L-oħrajn, jew 17.5%, ma jafux probabbilment għax ma tantx jinteressahom wisq jew inkella għax ma għandhomx opinjoni dwar is-suġġett. 

Minn naħa l-oħra, minkejja li din id-darba kien hemm min semmieha bħala soluzzjoni biex forsi xi darba ngħollu t-trofew, huma 19.8% biss li jemmnu li għandna nitilgħu b'diska bil-Malti. Maġġoranza relattiva ta' 45% jemmnu li għandna nżommu mal-lingwa Ingliża filwaqt li iktar minn tliet persuni minn kull 10 - jew 35% - ma għandhomx opinjoni. 

Dawk 65+ l-aktar li jemmnu f'diska bil-Malti għall-Eurovision, dawk ta' 36 u 50 sena, l-inqas

L-aktar parteċipanti li jaqblu illi għandna nitilgħu b'diska bil-Malti, huma dawk ta' aktar minn 65 sena, anke jekk huma 29.8% li jemmnu dan filwaqt li l-maġġoranza tal-anzjani (45.8%) xorta jemmnu li għandna nitilgħu b'diska bl-Ingliż. Minn naħa l-oħra l-inqas li jemmnu li Malta tista' tirnexxi b'diska bil-Malti huma dawk ta' bejn is-36 u l-50 sena fejn 13.4% wieġbu b'dan il-mod.  Dan il-grupp ta' età huwa l-aktar wieħed li jemmen li d-diska Maltija għall-Eurovision għandha tibqa' dejjem bl-Ingliż b'53.3%. 

Meta jinqasmu biż-żoni, dawk tal-Kottonera, Ħaż Żabbar, Fgura, Raħal Ġdid u l-inħawi b'33.9% jemmnu l-aktar li diska bil-Malti tista' tkun is-soluzzjoni biex forsi nirbħu xi darba. Dawk tan-nofsinhar - li jinkludi l-lokalitajiet ta' Birżebbuġa, Marsaxlokk, iż-Żejtun, iż-Żurrieq, il-Qrendi u l-inħawi - huma l-inqas li jemmnu li għandna mmorru l-Eurovision b'diska bil-Malti (9.8%). 

Minn naħa l-oħra kważi nofs (49.3%) tal-parteċipanti li jgħixu fit-Tramuntana tal-Port - li jinkludi Tas-Sliema, San Ġiljan, Swieqi, Birkirkara, Ħal Qormi u lokalitajiet oħrajn - jemmnu li għandna nibqgħu nitilgħu b'diska bl-Ingliż.  Eżatt wara b'48.8% favur diska bl-Ingliż jiġu l-parteċipanti tat-Tramunatana (San Pawl il-Baħar, Naxxar, Mosta, Mellieħa...). 

L-aktar parteċipanti li ma tagħmilhomx differenza jew m'għandhomx opinjoni, allura ma weġbux, kienu dawk tal-Punent (Rabat, l-Imtarfa, Ħad Dingli, Ħaż Żebbuġ...) fejn 46% wieġbu li 'ma jafux' Malta għandhiex ikollha diska li tirrapreżentaha bil-Malti jew inkella bl-Ingliż. 

L-aktar li pparteċipaw kienu dawk b'livell edukattiv primarju li minnhom 48.9% qalu li jippreferu diska bl-Ingliż u 24.4%, bil-Malti. 

Il-preferenza għal diska bil-Malti tinżel sew fost dawk b'edukazzjoni post-sekondarja (15.3%) u terzjarja (17%). B'37% u 38% dawk b'edukazzjoni post-sekondarja u terzjarja rispettivament huma l-inqas persuni li taw risposta. 

Għandna nibqgħu nieħdu sehem? 

Intant jekk wieħed imbagħad jevalwa l-mistoqsija tas-sehem jew mhux sehem fil-Eurovision, l-anzjani bi ħġarhom u fil-maġġoranza tagħhom jaqblu li Malta għandha tibqa' tieħu sehem b'55.4%.  Huma 23.3% biss ta' nies ta' din l-età li ma jaqblux li nieħdu sehem u l-kumplament indeċiżi. 

Minn naħa l-oħra fost dawk bejn is-16 u l-35 sena l-opinjoni hija ħafna iktar maqsuma b'maġġoranza ta' 45.4% jgħidu li għandna nkomplu nieħdu sehem, imma b'persentaġġ viċin ħafna - 41.2% - li jemmnu illi m'għandniex nibqgħu nieħdu sehem. 

Dawk fit-Tramuntana tal-pajjiż huma l-aktar li jemmnu illi għandna nibqgħu nieħdu sehem fil-Eurovision b'62.3%, filwaqt li dawk li jgħixu fil-punent tal-pajjiż huma l-inqas li jaqblu.  Fil-fatt hawnhekk maġġoranza relattiva ta' 46.5% jemmnu li m'għandniex nieħdu aktar sehem (35% biss jaqblu li għandna nkomplu). 

Interessanti wkoll d-differenza skont il-livell edukattiv.  L-aktar li qalu illi għandna nibqgħu nieħdu sehem huma dawk b'livell primarju (61.7%) filwaqt li l-inqas huma dawk b'livell terzjarju fejn 39.8% jemmnu li m'għandniex nibqgħu nieħdu sehem u 46.6% jemmnu li għandna nibqgħu.

More in Politika