Il-Ministru Galdes iħabbar li l-lista ta' nies jistennew quddiem il-Housing naqset b'42%

Il-Ministru tal-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes ħabbar li minn 3,288 persuna fil-lista, dawn niżlu għal 1,900

Il-Minstru Roderick Galdes
Il-Minstru Roderick Galdes

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes ħabbar li n-nies jistennew akkomodazzjoni soċjali naqsu kważi bin-nofs. Mill-2017, meta kien hemm 3,288 persuna fil-lista, illum din naqset b’aktar minn 42% għal 1,900 persuna. Dan il-progress seħħ saħansitra qabel ma jibdew jiġu allokati d-djar il-ġodda ta’ akkomodazzjoni soċjali.

“Is-sistema ħolistika tal-housing li ħloqna qed tħalli l-frott u qed iġġib progress,” qal il-Ministru Roderick Galdes li fisser kif il-firxa wiesgħa ta’ servizzi li qed tagħti l-Awtorità tad-Djar qed tgħin lin-nies jimxu ’l quddiem.

Il-Ministru Galdes qal li l-aktar fattur li ħalla impatt fuq il-lista ta’ stennija kien il-prevenzjoni. Fil-fatt, mir-rata ta’ 580 applikazzjoni ġdida fis-sena li biha kienet tiżdied il-lista fl-2017, din naqset għal 238 applikazzjoni ġdida fl-2020.

"Dan il-progress ifisser li pprovdejna servizzi effettivi biżżejjed li ma ħallewx lill-familji jaqgħu fi bżonn eċċessiv u dipendenza fuq l-Istat," żied il-ministru.

Fost l-inizjattivi li ttieħdu hemm it-tisħiħ tal-benefiċċju tal-kera li qed itejjeb il-qagħda ta’ 2,900 familja fil-kera billi jiżgura li ma jħallsux aktar minn kwart tal-qligħ disponibbli tagħhom fuq il-kera, ’il fuq minn 800 dar li ġiet imsewwija u aktar minn 500 dar oħra li ġew adattati biex ikunu aktar aċċessibbli għal min għandu sfida ta’ mobbiltà u diżabilità.

Is-self soċjali wassal biex madwar 160 familja li kienu eliġibbli għal akkomodazzjoni soċjali llum saru sidien ta’ djarhom.

Sadanittant, sal-aħħar ta’ Ġunju se jkunu ġew allokati madwar 571 dar tal-akkomodazzjoni soċjali mill-istokk eżistenti, filwaqt li 240 soluzzjoni oħra nstabu permezz tal-proprjetajiet li l-Awtorità tad-Djar tikri mingħand sidien privati.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay ta stampa ċara tal-firxa wiesgħa ta’ servizzi li hemm disponibbli u li qed jilħqu l-bżonnijiet speċifiċi. Huwa semma l-istudju li sar fost l-applikanti biex ġew mifhuma fid-dettall l-isfidi u l-aspirazzjonijiet tagħhom. Dan l-istudju kien strumentali biex tfasslu soluzzjonijiet speċjalizzati li fi kliem is-Sur Leonid McKay, mhux biss taw sostenn imma xprunaw il-mobilità soċjali.

McKay qal li ssaħħaħ l-infurzar biex jiġġieled l-abbuż mill-akkomodazzjoni soċjali u dan wassal biex ġew irkuprati diversi djar. Flimkien mal-infurzar qed isir monitoraġġ kostanti kemm tal-applikanti kif ukoll tal-benefiċjarji biex tiġi żgurata compliance.

More in Politika