Il-PN jerġa' jwiegħed li jgħaddi l-art f'Ħondoq ir-Rummien lill-pubbliku wara li nbiegħet lill-privat fl-2006

Il-PN iwiegħed li jagħti l-art tal-Ħondoq lura lill-poplu - Fl-2002 inbiegħet l-art u fl-2006 Gvern Nazzjonalista biddilha minn art ODZ għal art li tista' tiġi żviluppata 

Il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-Kelliem għall-Ambjent Robert Cutajar u dak ta' Għawdex Chris Said reġgħu wegħdu illi l-PN se jieħu "azzjonijiet" biex l-art madwar il-Bajja ta' Ħondoq ir-Rummien tibqa' pubblika u tingħata lill-poplu. 

Fil-fatt hija biss parti żgħira mill-bajja li hija tal-Gvern, bil-bqija tal-art tinbiegħ lill-privat fl-2002, taħt Gvern Nazzjonalista  - mill-privat għall-privat.  Fl-2006, l-istess Gvern kien biddel l-istatus tal-art in kwistjoni minn waħda ODZ u għall-afforestazzjoni, għal art li fuqha jista' jsir żvilupp relatat mal-marittimu u t-turiżmu. Konsegwentement u grazzi għal dawn it-tibdiliet sid l-art kien applika għal żvilupp li kien jinkludi 300 appartament u lukanda b'195 kamra. 

"L-iskop wara dan kollu hu li din l-art issir pubblika biex imbagħad jibda proċess biex fejn hemm bzonn tiġi riabilitata – speċjalment il-parti fejn kien hemm il-barriera u tiġi trasformata f’park nazzjonali għat-tgawdija tal-pubbliku," qal Said. Huwa qal ukoll li fi tmiejn snin ma sarx proġett wieħed ta' spazji miftuħa f'Għawdex.

Robert Cutajar qal li l-proposti li ressaq il-Partit Nazzjonalista u li se jkompli jressaq fil-jiem li ġejjin jagħtu garanzija lill-poplu Malti għall-kwalitá tal-ħajja aħjar bl-ambjent ikun qasam ewlieni.

"Sfortunatament illum ma’ tgħaddix ġurnata li ma tiftaħx gazzetta jew portal u li ma tismax stejjer li ta’ kuljum l-ambjent f’pajjiżna verament jinsab taħt theddida. Dan mhux l-ambjent li ġie mwiegħed fl-2013 mill-Partit Laburista," saħaq Cutajar. Huwa akkuża lill-Gvern illi huwa "protagonist fil-ħsara ambjentali" li qed issir f'pajjiżna. 

"Gvern b’Ministru tal-ambjent li jiddikjara u jikkonferma f’dibattitu li għall-Gvern fl-aħħar snin l-ambjent ma’ kienx prioritá. Tant li falla fl-immaniġjar u s-separazzjoni tal-iskart, nesa’ t-tibdil fil-klima, qed jinjora l-kwalitá tal-arja u mhux jagħti każ il-ħarsien tal-biodiversitá. "

Cutajar u Said waqt il-Konferenza
Cutajar u Said waqt il-Konferenza

Cutajar temm ifakkar li din il-ġimgha l-Gvern vvota kontra abbozz imressaq mill-Oppożizzjoni dwar l-ERA u fakkar li dan l-Abbozz kellu l-appoġġ ta’ sitt għaqdiet ambjentali,"

 

 

More in Politika