Persuni single huma aktar kuntenti, inħobbu l-festi u l-multikulturaliżmu ma tantx jinżlilna

Il-President tar-Repubblika jippubblika sondaġġ dwar l-Istat tan-Nazzjon Malti li staqsa dwar ħajjitna, it-tradizzjonijiet tagħna u aktar

Skont sondaġġ ippubblikat mill-President tar-Repubblika li jitratta l-Istat tan-Nazzjon Malti li fih il-parteċipanti kienu mistoqsijin dwar diversi suġġetti bħal politika, ħajjithom, it-tradizzjonijiet u anke l-kuntentizza jirriżulta li persuni single jħossu li għamlu aktar suċċess f'ħajjithom u huma aktar kuntenti.  Fil-fatt mistoqsijin iħossux li għamlu suċċess f'ħajjithom 62.5% tal-parteċipanti miżżewġin sostnew li jħossu li għamlu suċċess fil-ħajja,  filwaqt li kienu 69.2% ta' dawk li huma single illi wieġbu l-istess. 

Fil-kuntentizza l-istess: 65.1% ta' dawk single qalu li huma kuntenti filwaqt li kienu 63.6% tal-miżżewġin qalu li huma kuntenti b'ħajjithom. 

F'dan is-sondaġġ jirriżulta wkoll li l-multikulturaliżmu mhuwiex popolari mal-Maltin b'9.5% biss jgħidu li huma komdi b'dan il-kunċett. Il-Maltin, skont dan is-sondaġġ, jagħtu valur qawwi lill-festi u l-gastronomija lokali, bħala l-aktar aspetti tradizzjonali importanti għall-poplu. 

Intant jidher li l-Maltin u l-Għawdxin komplew jabbandunaw il-gazzetti stampati għall-aħbarijiet onlajn.  Fil-fatt 72.4% ta' dawk li pparteċipaw qalu illi jaqraw l-aħbarijiet mill-paġni ta' Facebook ta' siti tal-aħbarijiet lokali, filwaqt illi 41.6% jaqraw l-aħbar direttament fuq il-portals tal-aħbarijiet.  Huma 3.2% biss li qalu illi jaqraw l-aħabarijiet mill-gazzetti stampati. 

 

More in Politika