Matthew Caruana Galizia jgħid li Yorgen Fenech qed iħallas għad-Difiża tal-aħwa Degiorgio

Dan wara li lbieraħ l-aħwa Degiorgio kitbu lill-Kummissarju Ewropew u implikaw lill-eks Ministru Cardona u lill-Ministru Abela f'reati serji

Il-familja ta' Daphne Caruana Galizia fi Brussell
Il-familja ta' Daphne Caruana Galizia fi Brussell

Matthew Caruana Galizia, iben Daphne, allega li Yorgen Fenech, l-allegat mandant tal-qtil tal-ġurnalista, kien jew qiegħed iħallas għad-difiża tal-aħwa Degiorgio, akkużati li wettqu d-delitt.

Alfred u George Degiorgio, bħalissa qed jipprotestaw wara li ġew miċħuda l-maħfra presidenzjali li huma qed jitolbu bil-għan li jikxfu informazzjoni fuq reati serji, li jinvolvu lill-Ministru Carmelo Abela u anke lill-eks Ministru Carmelo Abela.

Ilbieraħ huma saħansitra kitbu, permezz tal-Avukat tagħhom, William Cuschieri, lill-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja, Didier Reynders, jisħqu li hemm kunflitt ta’ interess u li l-Gvern Malti ma jistax jiddeċiedi dwar il-proklama li huma qed jitolbu.

Fl-ittra implikaw lil Chris Cardona f’komplott biex tinqatel Daphne fl-2015 u anke lill-Ministru Carmelo Abela fl-attentat ta’ serqa mill-HSBC fl-2010. F’din is-serqa, l-aħwa Degiorgio qed jimplikaw ukoll żewġ uffiċjali tal-Pulizija li mhux qed isemmu.

Matthew Caruana Galizia allega li Fenech qed iħallas lill-avukati tal-aħwa Degiorgio, b’reazzjoni għall-aħbar dwar din l-ittra lill-Kummissarju Ewropew. 

L-aħwa Degiorgio ħadu l-każ tagħhom ukoll quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.

Intant, fl-ittra lill-Kummissarju Ewropew, William Cuschieri qal li l-klijenti tiegħu lesti li jiltaqgħu mal-Kummissarju Ewropew, ma’ persuna tal-fiduċja tiegħu, mal-Europol u anke ma’ membri tal-midja biex jispjegaw id-dettalji tal-informazzjoni tagħhom.

More in Politika