'Katamaran għat-turisti li se jħaxxen biss il-bwiet tal-Fortina' ... Graffitti jwaqqfu xogħlijiet fil-Bajja tal-Balluta

Graffiti qed takkuża lill-ERA li biddlet il-kundizzjonijiet tal-permess biex ix-xogħlijiet setgħu jibdew minnufih

Attivisti tal-Moviment Graffitti dalgħodu niżlu l-Balluta biex iwaqqfu xogħlijiet li kellhom jibdew fuq il-moll, fil-Bajja tal-Balluta, għall-katamaran tal-Fortina Group.

“Dan ifisser li l-poplu se jitlef mit-tgawdija ta’ parti kbira minn din il-bajja hi u tinbela’ minn katamaran għat-turisti li se jħaxxen biss il-bwiet tal-Fortina,” saħqu l-attivisti.

Il-Moviment Graffitti qed jakkuża wkoll lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi li, bil-moħbi, biddlet il-kundizzjonijiet tal-permess, li qabel kienu jipprojbixxu li jsiru xogħlijiet fil-baħar f’dan iż-żmien.

“Bħalissa għaddejjin diversi appelli u kawża kostituzzjonali kontra d-deċiżjonijiet skandalużi li ttieħdu biex jinqdew tal-Fortina,” komplew jisħqu l-attivisti.

Id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar għall-bini ta’ moll fejn jorbot il-katamaran fil-Bajja tal-Balluta qed tkun appellata minn koalizzjoni ta’ residenti, NGOs u l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan.

More in Politika